5,549 benefiċċjarju bbenefikaw mill-fondi allokati fl-Inizjattivi ta’ Mobilità Sostenibbli ta’ Transport Malta, sax-xahar li għadda.
L-ammont ta’ grants mogħtija s’issa laħqu t-€23.2 miljun, mit-total ta’ €28.4 miljun allokati.
Dawn l-inizjattivi huma mmirati sabiex itejbu s-sistema tat-trasport f’Malta u jnaqqsu t-tniġġis.
Is-sena l-oħra, Transport Malta investiet aktar minn €27.5 miljun f’inċentivi għal trasport ta’ kwalità aħjar, xhieda tal-impenn tal-Gvern biex jipprovdi alternattivi aktar sostenibbli.
Dawn l-inizjattivi, fost l-oħrajn, jinkoraġġixxu lill-pubbliku f’vetturi elettriċi u hybrid plug-in b’riżultat li jitnaqqsu wkoll l-emissjonijiet fl-arja.
Sal-aħħar t’Awwissu 2023, ġew introdotti fuq it-toroq Maltin u Għawdxin total ta’ 7,362 vettura elettrika u 3,738 vettura plug-in hybrid.
Dawn it-€28.4 miljun huma maqsumin fi €15-il miljun mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza u €13.4 miljun minn fondi nazzjonali.
Matul din is-sena, l-allokazzjoni tal-għotja għal muturi ġodda laħqet l-€4.2 miljun. L-allokazzjoni ġiet eżawrita b’total ta’ 1,647 klijent eliġibbli għall-iskema.
Malta rnexxielha wkoll tikseb fondi tal-Unjoni Ewropea, aktar minn ħamsin miljun ewro, taħt il-pjan ta’ rkupru u reżiljenza bħala kontribut biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati maż-żieda qawwija fil-konsum tal-enerġija u l-ġenerazzjoni tal-iskart li jirriżultaw minn tkabbir mgħaġġel tal-popolazzjoni, l-impjiegi u t-tkabbir tal-PGD f’dawn l-aħħar snin.
Transport Malta talbet lill-Unjoni Ewropea biex testendi l-firxa ta’ tali fondi bejn l-2022 sal-aħħar tal-2025 u dan ġie aċċettat.