F’Kunsill tal-Ministri ieħor fi Brussell, magħruf bħala AgriFish, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ddiskuta bosta temi.
Il-Ministru Refalo semma r-riforma fil-kera tal-art agrikola li wettaq il-Gvern Malti u li għandha l-għan li tħares id-drittijiet tal-bdiewa lokali filwaqt li tippreserva l-art agrikola.
Il-Ministru semma wkoll l-għajnuna diretta li ta l-Gvern, kemm minn finanzi nazzjonali u dawk Ewropej.
Huwa żied jgħid, “L-għajnuna diretta lill-bdiewa tibqa’ sors importanti biex iżomm is-settur agrikolu vijabbli. Flimkien ma’ dan, it-tixrid ta’ għarfien huwa wkoll pilastru importanti u dan qed isir bil-Farm Extension Services, fejn il-bdiewa qed jingħataw it-taħriġ meħtieġ ta’ kif jistgħu jużaw aħjar ir-riżorsi naturali.”
Il-Ministru tenna l-importanza wkoll tal-Politika Agrikola Komuni f’pajjiżna, li sejħilha strument finanzjarju importanti ħafna u li se jkompli jgħin biex jattira iktar bdiewa żgħażagħ, kif ukoll biex tixpruna investimenti għal infrastruttura aktar moderna u għad-diġitalizzazzjoni tas-settur.
Il-Kunsill iddiskuta wkoll l-impatt tat-tibdil fil-klima li nħass b’mod reali fin-Nofsinhar tal-Ewropa dan is-sajf, b’Malta wriet solidarjetà mal-pajjiżi milquta.