Bejn ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA wettqet aktar minn 5,000 spezzjoni u ħadet azzjoni fuq 52 każ fejn instab li kien hemm nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti.
L-Awtorità twettaq spezzjonijiet madwar Malta u Għawdex, fuq bażi regolari.
Din il-ħidma tinkludi fost oħrajn spezzjonijiet, fosthom anke fuq indikazzjoni tal-prezz u s-sigurtà tal-prodott.
Matul Lulju u Awwissu, saru ’l fuq minn 3,000 spezzjoni dwar l-indikazzjoni tal-prezzijiet fi stabbilimenti varji, b’250 spezzjoni minn dawn, saret f’Għawdex.
19-il stabbiliment ma nstabux f’konformità mal-regolamenti stabbiliti, bl-MCCAA toħroġ twissija lil dawn l-istabbilimenti.
15 minnhom diġà rregolarizzaw ruħhom, filwaqt li l-erbgħa l-oħra ser ikunu spezzjonati mill-ġdid fil-jiem li ġejjin.
Dawn l-ispezzjonijiet isiru bil-għan li l-konsumaturi jkunu mgħarrfa bil-prezzijiet tal-prodotti u b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu deċiżjoni tax-xiri iktar infurmata.
Matul dan il-perjodu, saru wkoll numru ta’ spezzjonijiet fuq prodotti bil-għan li jaraw li dawn il-prodotti fuq is-suq ikunu siguri, waqt liema spezzjonijiet ġew analizzati ’l fuq minn 2,000 prodott.
Dawn l-ispezzjonijiet saru fuq xelta ta’ prodotti, fosthom ġugarelli, liftijiet, pestiċidi, kimiċi, deterġenti, kożmetiċi, appliances, u aktar.
33 prodott ma kinux siguri għall-konsumaturi u b’hekk tneħħew mis-suq.
L-operaturi kummerċjali huma mfakkra biex jassiguraw li l-prodotti mqiegħda fuq is-suq ikunu konformi mar-regolamenti tas-sigurtà applikabbli fl-Ewropa, u li l-prodotti kollha għall-bejgħ ikollhom il-prezz indikat tajjeb u ċar.
Ilmenti jew rapporti ta’ nuqqasijiet jistgħu jsiru fuq il-freephone 80074400 jew billi timtela l-formula online fuq www.mccaa.org.mt/home/infringement.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.mccaa.org.mt.