Is-Soċjetà Filarmonika King’s Own nediet il-kalendarju tal-attivitajiet tagħha għall-2024, is-sena li fiha s-Soċjetà se tkun qed tiċċelebra l-mija u ħamsin sena mit-twaqqif tagħha fl-1874.
Iċ-ċelebrazzjonijiet se jibdew b’marċ tradizzjonali fi Triq ir-Repubblika nhar il-Ħadd, 24 ta’ Settembru 2023. Għal din l-attività, is-Soċjetà stiednet lill-każini tal-baned kollha madwar Malta u Għawdex biex jakkumpanjaw lill-Filarmonika King’s Own bl-istandardi tas-soċjetajiet tagħhom.
Il-President tas-Soċjetà l-Perit Ivan Piccinino, irrimarka li dan hu mod xieraq kif jingħata bidu għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
Il-President kompla jelenka l-attivitajiet ewlenin ippjanati għas-sena d-dieħla.
Dwar l-aspett mużikali, il-Banda mistennija tieħu sehem f’diversi kunċerti f’venues differenti fosthom, it-Teatru Manoel, is-Sala Sir Temi Zammit u l-bitħa tal-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.
Il-Kuncert Annwali se jinkludi l-partecipazzjoni tat-tenur internazzjonali Gabriel Arce kif ukoll bis-sehem ta’ wahda mill-aqwa sopran ta’ pajjizna.
Matul April 2024, se jsir marċ flimkien mas-Soċjetà Filarmonika Vilhena, tal-Furjana fit-toroq tal-Furjana u l-Belt Valletta. Bl-istess mod, is-Soċjetà Vilhena wkoll qed tiċċelebra l-150 anniversarju tagħha u ż-żewġ soċjetajiet twaqqfu mill-istess Surmast cioe’ Maestro Giuseppe Borg.
Fuq kollox, kif diġà tħabbar xi xhur ilu, is-Soċjetà stiednet lis-Surmast ta’ fama internazzjonali, Jacob de Haan, biex, fl-22 ta’ Ġunju 2024, imexxi l-Banda King’s Own f’kunċert fi Pjazza Teatru Rjal. Għal din l-okkażjoni speċjali, il-Maestro de Haan, li huwa l-kompożitur ta’ diversi xogħlijiet mużikali bħall-Free World Fantasy u Music Xperience, se jkun qed jiddedika biċċa xogħol mużikali ġdida, esklussivament għall-Banda King’s Own.
Dwar l-aspett kulturali, il-Kumitat ippjana wkoll għadd ta’ attivitajiet, fosthom, ktieb dwar l-istorja tal-Każin u, għall-membri tas-Soċjetà, bejn it-23 u l-25 ta’ Mejju, mawra ta’ tliet ijiem ġewwa Bologna, il-belt fejn huwa midfun San Duminku, il-partun tas-Socjeta. Matul din iż-żjara, il-Banda mistennija tipparteċipa f’parata fit-toroq ewlenin u tesegwixxi kunċert mużikali fil-Basilica di San Domenico ta’ Bologna stess.
Dwar l-aspett reliġjuż, fis-7 t’April 2024, is-Soċjetà se torganizza Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-Bażilika tal-Madonna tal-Portu Salvu u San Duminku, il-Belt. Din il-quddiesa ser tkun iċċelebrata mill-Mons. George Frendo, Arcisqof Emeritu ta’ Tirana Durres. Barra minn hekk, għax xahar t’Ottubru, hemm maħsub ukoll Oratorju dwar il-ħajja ta’ San Duminku li se jsir fl-istess Bażilika.
Fl-aħħar nett, matul il-Ġimgħa Mqaddsa, is-Soċjetà se torganizza pageant tal-Passjoni ta’ Sidtna Ġesù Kristu mat-toroq tal-Belt Valletta flimkien mal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar.
Il-Kumitat ilu jaħdem b’mod attiv għal dawn l-aħħar xhur biex jiżgura li l-kommemorazzjonijiet tas-sena d-dieħla jissodisfaw l-aspettattivi kollha tal-membri. Fil-bini tal-Każin, żewġ proġetti kbar waslu biex jitlestew; l-ewwel nett, it-tisbih tas-Sala Prinċipali tal-Każin bl-isem tar-Re Dwardu VII, li kien hu li, fl-1901, awtorizza lis-Soċjetà tuża l-isem, The King’s Own Band, meta laħaq Re, filwaqt li t-tieni proġett huwa d-diġitalizzazzjoni tal-arkivju mużikali għani tas-Soċjetà li jista’ jiftaħar b’diversi xogħlijiet mużikali li jvarjaw minn klassiċi għal kontemporanji u moderni. Kif mistenni, iż-żewġ proġetti se jkunu varati matul is-sena d-dieħla.
Is-Soċjetà Filarmonika King’s Own twaqqfet fl-1874 minn Maestro Giuseppe Borg. Skont il-ktieb Malta bil-gżejjer tagħha u li għadda mingħaliha, tal-awtur rinomat Pietru Pawl Castagna li ghex fl-istess epoka, għadd ta’ dilettanti tal-festa ta’ San Duminku waqqfu l-ewwel banda fil-belt Valletta; dak iż-żmien magħrufa bħala, La Stella, riferiment ċar għall-istilla ta’ San Duminku, il-qaddis patrun tas-Soċjetà.
Matul il-mija u ħamsin sena ta’ eżistenza tagħha, is-Soċjetà kellha għadd ta’ tragwardi importanti. Wara s-suċċessi li kellha fil-kategoriji kollha waqt konkors internazzjonali li kien sar f’Algiers fl-1912, il-King’s Own kienet l-ewwel Banda f’Malta li ngħatat it-titlu ta’ Eċċellenza.
Barra minn hekk, il-King’s Own kienet ukoll l-ewwel banda ċivili f’Malta li, fl-1936, f’Misraħ San Ġorġ il-Belt, daqqet l-Innu Malti fil-pubbliku filwaqt li, fl-1945, fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Banda pparteċipat f’bosta ċelebrazzjonijiet u daqqet il-marċ, Victory miktub mis-Surmast magħruf, Vincenzo Ciappara, speċifikament biex ifakkar din il-ġrajja storika.
Bħalissa, Il-Banda hija taħt it-tmexxija tas-Surmast, Dr John Galea, li, din is-sena, jiċċelebra l-għoxrin anniversarju tiegħu fit-tmun ta’ din il-Banda tant prestiġjuża, mghejjun mill-Maestro Anthony Cassar.
Aktar dettalji relatati mal-festi tas-sena d-dieħla, jistgħu jitniżżlu minn fuq il-midja soċjali tas-Socjeta, fosthom il-fb u l-website.