It-Tnejn kompla s-smigħ tal-inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin fit-3 ta’ Diċembru li għadda.
L-ewwel xhud kien il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana li ssejjaħ biex jixhed fl-inkjesta għat-tieni darba. Hu ġab miegħu numru ta’ dokumenti li qal huma mimlija b’listi ta’ ċifri ta’ pjani ta’ negozju, ċifri u dokumenti tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, l-BCA, u l-Awtorità tas-Saħħa u s-
Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, kif ukoll pjani finanzjarji u nefqa rikurrenti.
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi, li wkoll issejjaħ biex jixhed għat-tieni darba biex jirrispondi xi mistoqsijiet dwar finanzi fi ħdan l-istess żewġ awtoritajiet.
L-Ombudsman Joseph Zammit McKeon staqsa lill-Ministru għall-Ippjanar dwar rwoli u kordinazzjoni bejn il-BCA, l-OHSA u l-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-Ministru ffoka fuq il-binja ta’ Kordin u qal li qed issir reviżjoni kontinwa fejn tidħol il-koperatura tal-assigurazzjoni. Dwar il-kodiċi tal-bini, qal li kien hemm abbozzi u diskussjonijiet u li l-aħħar abbozz għandu jiġi diskuss u se jkun qed jiffoka fuq kodiċi tal-bini rigward it-twaqqigħ u t-tħaffir.
L-Awditur Ġenerali Charles Deguara staqsa wkoll dwar it-taħriġ tal-ispetturi.
Il-Ministru ċċara li l-ispetturi tal-OHSA huma mħarrġin dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà u m’għandhomx responsabbiltà li jaraw jekk ix-xogħlijiet humiex konformi mad-disinji tal-kostruzzjoni. Kompla jgħid li hu f’idejn il-perit li jiċċekkja jekk ix-xogħol isirx skont id-direzzjonijiet tiegħu u l-pjanti.
Zammit McKeon issuġġerixxa li jekk uffiċjal tal-OHSA jħoss li xi ħaġa hi ħażina, hi fil-kompetenza tal-perit li jmur fuq il-post immedjatament jew inkella jitwaqqfu x-xogħlijiet, għax xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li hu miftuħ biex jisma’ proposti u jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi eżaminata r-responsabbiltà ta’ kull min hu involut.
Hu qal li talab ukoll lill-Fakultà tal-Liġi biex tiġbor il-liġijiet relattivi kollha fil-qasam biex tidentifika kwalunkwe sitwazzjoni.
Sadanittant il-Kulunell Mark Mallia, il-Kap Eżekuttiv ta’ Identità, li kienet Identity Malta, ġie mistoqsi dwar ħaddiema barranin li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea. Hu qal li din l-awtorità hi responsabbli għall-permessi ta’ residenza f’pajjiżna u spjega l-proċess ta’ x’jiġri wkoll minn JobsPlus biex persuna tkun tista’ taħdem f’Malta.
Xehed ukoll fuq talba personali Jason Azzopardi, li qed jidher bħala parte civile f’isem il-qraba tal-vittma, fejn ippreżenta memo li tressqet fil-Kabinett fl-2021, iżda, skontu, ġiet imblokkata minħabba li kienet ġejja l-elezzjoni ġenerali.
Il-kumpilazzjoni ġiet aġġornata għal sessjoni oħra