B’gowl kull taqsima, Valletta FC bdew l-impenji staġjonali tagħhom b’rebħa ta’ 2 – 0 fuq Sirens fit-tieni u l-aħħar konfront tal-Ħadd fit-Tony Bezzina Stadium.
L-intenzzjonijiet ta’ Valletta dehru ċari mill-bidu net fejn tul il-konfront kienu fil-kontrol tal-partita minkejja li fl-ewwel nofs siegħa ftit li xejn kellna azzjonijiet ta’ periklu ħlief konklużjoni tal-ex belti Nicholas Pulis iżda Jake Galea fil-lasti ta’ Valletta salva f’korner.
It-tim minn San Pawl il-Baħar kellhom tentattiv ieħor seba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima iżda l-konklużjoni ta’ Donsu spiċċat barra.
Żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Valletta marru fil-vantaġġ fejn f’kontrattakk tajjeb ta’ Shaun Dimech, lis-stess plejer irnexxilu jqassam lejn Federico Falcone li d-depożita l-ballun fix-xibka biex sat-tmiem l-ewwel taqsima r-riżultat kien dak ta’ 1 – 0.
Sekondi fit-tieni taqsima u d-difensur ta’ Valletta Enzo Ruiz kellu l-konklużjoni tiegħu li spiċċat barra. Dan kien il-preludju tat-tieni gowl għaliex mat-tokki tal-53 minuta Valletta kellhom attakk ieħor fejn ix-xutt ta’ Victor Luiz ħabat ma’ Mor Mukhtar ta’ Sirens, qarraq bil-goalkeeper Andrea Cassar u l-ballun intemm fix-xibka għal 2 – 0.
Ir-reazzjoni ta’ Sirens waslet mas-siegħa logħob b’xutt ta’ Asare li Galea salva bla wisq diffikulta.
Lejn it-tmiem Valletta kienu mill-ġdid perikolużi fejn minn azzjoni ta’ corner, ravoxxjata ta’ Federico Falcone ħarġet l-aħjar ta’ Cassar li salva b’mod tajjeb.
Fl-aħħar azzjoni tal-partita mill-ġdid fuq l-offensiva t-tim mill-kapitali meta x-xutt ta’ Santiago Ferraris għadda ftit barra.
Referee:- Alex Johnson
BOV Plejer tal-logħba – Shaun Dimech (Valletta FC)