Aktar minn 4,000 siġra se jitħawlu grazzi għall-inizjattiva Islands Cleanup, immexxija mill-Ministeru għall-Ambjent.
L-inizjattiva, parti mill-kampanja Saving Our Blue bl-appoġġ ta’ Project Green, ġabret flimkien madwar 500 voluntier minn 20 entità governattiva, għaqdiet mhux governattivi u kumpaniji privati.
F’dawn l-aħħar xhur, inġabru ’l fuq minn 2,000 tunellata ta’ skart minn widien u tindif tal-bajjiet. Project Green se tħawwel żewġ siġriet għal kull tunellata ta’ skart miġbur.
Fil-Jum Dinji tat-Tindif, diversi voluntiera ngħaqdu fi cleanups li ġew organizzati f’diversi postijiet, fosthom Dwejra Lines u Wied is-Sewda. Is-Sibt 9 ta’ Settembru, voluntiera ħadu sehem ukoll fi cleanup.
Il-materjal kollu mormi illegalment miġbur mis-siti jiġi sseparat fuq il-post skont ir-regolamenti tas-separazzjoni tal-iskart, u b’hekk jiġi żgurat li kull materjal riċiklabbli miġbur jiġi pproċessat ukoll għar-riċiklaġġ.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli rringrazzjat lill-voluntiera kollha talli pparteċipaw f’din il-kampanja ta’ tindif.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ Proġett Green Steve Ellul qal, kif Malta ingħaqdet ma’ miljuni ta’ voluntiera minn mija u sebgħa u disgħin pajjiż biex ġie mfakkar il-Jum Dinji tat-Tindif, għal pjaneta aktar nadifa.