‘Aiming Higher: Delivering More for Young People in the Commonwealth’.
Din kienet it-tema tal-għeluq l-għaxar anniversarju mill-Young Commonwealth Meeting, fejn pajjiżna kien irappreżentat minn delegazzjoni mmexxija mis-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-żgħażagħ, Keith Azzopardi Tanti.
F’din il-laqgħa, 56 pajjiż membru tal-Commonwealth iltaqgħu biex jiddiskutu aktar proposti u inizjattivi għall-benefiċċju taż-żgħażagħ.
Waqt il-Youth Ministers Meeting, li kienet immexxija mis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Patricia Scotland KC, ġew diskussi diversi temi, fosthom l-ekonomija, it-tibdil fil-klima, l-ambjent, il-futur diġitali permezz tal-Intelliġenza Artifiċjali kif ukoll l-opportunitajiet li qegħdin jiġu ppreżentati liż-żgħażagħ bil-għan li jkunu huma li jmexxu dawn is-setturi f’orizzonti ġodda għall-ġid komuni.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti mexxa diskussjoni bejn diversi rappreżentanti ta’ pajjiżi membri bit-tema: ‘Bridging the Gap: Enhancing Participation of Young MPs in the Legislative Processess’.
Huwa fetaħ id-diskussjoni billi spjega li l-popolazzjoni żagħżugħa qiegħda tikber globalment, fejn preżentament tammonta għal madwar 1.8 biljun. Minkejja dan, globalment, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika tammonta biss għal 2.2%.
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti, “Malta wkoll, bħal diversi pajjiżi oħra, għandna l-isfida ta’ rappreżentanza żagħżugħa fis-sistema politika tagħna. Ilna naħdmu għal diversi snin sabiex intejbu din ir-rata u nħeġġu aktar żgħażagħ jidħlu fil-politika u jkunu ċittadini attivi, b’mod partikolari fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-pajjiż.”
Huwa spjega diversi miżuri li Malta ħadet u li qed tkompli tieħu sabiex tkun proattiva u żżid aktar rispons żagħżugħ, fosthom billi baxxiet l-età tal-vot għal dak ta’ 16-il-sena minn kif kien preċedentament ta’ 18-il sena.
Huwa spjega wkoll li bħalissa l-Gvern Malti qiegħed fil-proċess li jagħżel żgħażagħ sabiex ikunu membri f’Forum Konsultattiv, il-Youth Advisory Forum, immexxi mill-Prim Ministru nnifsu.
Huwa kompla li dawn iż-żgħażagħ ser ikollhom l-opportunità li jagħtu pariri lill-gvern fuq liġijiet, strateġiji u pjanijiet li jkunu qed jiġu diskussi lokalment jew fuq livell internazzjonali.
“Permezz tal-miżuri li qed tieħu Malta, iż-żgħażagħ infushom se jkunu parti mis-soluzzjoni għall-isfidi li qegħdin niffaċċjaw preżentament. Miżuri bħal dawn jagħtu aktar fiduċja liż-żgħażagħ u jħeġġuhom isemmgħu aktar leħinhom fil-beraħ,” ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.