Aktar għoxrin elf persuna ngħaqdu id f’id għal għan wieħed – dak tal-imħabba.
Minn Triq Sant Anna l-ilwien meraviljużi, il-karrijiet, il-mużika u n-nies b’daħqa fuq wiċċhom iddominaw il-Pride March ta’ din is-sena, l-attività li kienet il-qofol tal-attivitajiet mal-EuroPride Valletta 2023.
Crew ta’ ONE News żar iċ-ċelebrazzjonijiet u mal-mikrofonu tagħna ħafna nies, kemm Maltin u barranin, riedu jaqsmu l-ferħ kbir li qed iħossu għax qed igawdu flimkien din il-ġurnata li toħloq aktar kuxjenza fuq l-ugwaljanza.
Ftit mumenti qabel ma bdiet il-Pride March, in-nies, kollha b’sentiment wieħed, faħħru dak kollhu li għamlet Malta għal persuni LGBTIQ+.
Tkellmu dwar kif mill-2013, meta l-Partit Laburista ħa t-tmun tal-pajjiż f’idejh, bdew riformi kbar fil-qasam tal-ugwaljanza u l-persuni LGBTIQ+ li wasslu biex jingħatalhom dak li qabel kien biss ħolma.
Persuni barranin li ġejjin minn pajjiżi differenti madwar id-dinja, fosthom mill-Ingilterra u s-Serbja, tennew kemm huma grati li jistgħu ikunu parti minn din il-komunità tant sabiħa f’pajjiżna.
Staqsejnihom ukoll biex iwasslu messaġġ ta’ mħabba u solidarjetà lil dawk ta’ madwarhom. Kollha rrimarkaw li l-għan aħħari ta’ dan kollu jibqa’, li kull persuna madwar id-dinja tgawdi minn drittijiet ugwali.
Waqt din l-attività kien hemm attenda l-Prim Ministru Robert Abela li ntlaqa’ b’merħba sabiħa mill-folla waqt li l-Pride March, bi briju liema bħalu mxiet lejn Pjazza Tritoni.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat minn diversi Membri Parlamentari Laburisti fosthom il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, il-Kummissarju Ewropew Helena Dalli u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg.