Tmienja u għoxrin perit li temmew il-kors ta’ studju tagħhom u għaddew mill-eżami tal-warrant, ingħataw il-warrant biex ikunu jistgħu jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom.
Waqt li ppreżenta l-warrants, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi fakkar li l-warrant mhux biss huwa rikonoxximent tal-ħila imma jġib miegħu responsabbiltà lejn is-soċjetà.
Huwa qal li d-deċiżjonijiet meħuda mill-periti jridu jkunu mezz ta’ ħarsien lejn il-ħajja, is-saħħa tal-oħrajn, kif ukoll tal-kwalità tal-proġetti li jkunu fdati bihom.
“L-irwol tal-professjoni tal-perit għandu jibqa’ jkun xprun biex ikollna aktar bidliet fil-qasam tal-kostruzzjoni f’pajjiżna. F’dawn l-aħħar żminijiet rajna bidliet, fosthom il-bidu ta’ liġi ġdida tal-att tal-periti kif ukoll riformi oħra fil-qasam tal-kostruzzjoni. Dawn kollha, flimkien ma’ bidliet oħrajn li jridu jkomplu jsiru fejn naraw ukoll li l-professjoni tal-perit tkompli tissaħħaħ u jkollha livell għoli ta’ etika fil-ħidma tagħha.”
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi appella lill-periti biex filwaqt li jagħrfu jagħtu gwida u struzzjonijiet ulterjuri, jaraw li dawn jiġu segwiti u jaġixxu b’mod tempestiv meta jaraw li l-affarijiet mhux mexjin kif meħtieġ.
Fakkar ukoll kif pajjiżna qed jaħdem qatigħ biex jippremja l-kwalità u l-eċċellenza fis-settur tal-kostruzzjoni, u ħeġġeġ lill-periti l-ġodda biex jimirħu ħalli jkunu protagonisti bil-ħiliet u t-talenti tagħhom.