Bħal-lum sentejn, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen żaret pajjiżna fejn approvat il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Barrakka ta’ Fuq mal-Prim Ministru Robert Abela, il-President tal-Kummissjoni Ewropea sejħet il-pjan ta’ Malta bħala l-aktar wieħed favur l-ambjent.
Dwar dan, ONE News tkellem mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.
“Naħseb, il-President tal-Kummissjoni Ewropea meta ġiet Malta sentejn ilu, ġiet b’aspettattivi, ġiet ħa tipprova tara dan il-pajjiż jekk hux kapaċi jwettaq pjan li kien pjan mill-iktar ambjentali u wieħed mill-iktar diġitali. Illum għandna lill-Kummissjoni Ewropea, li f’dawn l-aħħar sentejn anke ħarġet filmati tagħha stess u stqarrijiet, fejn faħħret il-perkors tal-Gvern Malti fit-twettiq ta’ dawn il-pjani u bdejna relazzjoni b’saħħitha ħafna.”
Hawnhekk Bonett għamel referenza għall-pagamenti li tat il-Kummissjoni Ewropea minn dan il-pjan. Dan hekk kif pajjiżna ħadem favur il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-indipendenza tal-ġustizzja f’pajjiżna.
Dan minbarra li, f’Ġunju li għadda, l-istess Kummissjoni approvat ir-reviżjoni tal-Pjan ta’ Rkupru, fost l-ewwel li ġie rivedut u approvat. Dan il-pjan żdied minn aktar minn tliet mija u sittax-il miljun ewro għal tliet mija u tmienja u għoxrin miljun ewro.
Is-Segretarju Parlamentari sostna li, fit-tieni żjara li se tagħmel f’pajjiżna fid-29 ta’ Settembru li ġej għal-laqgħa tal-mexxejja tal-MED 9, is-sitwazzjoni hi waħda differenti.
“Issa sentejn wara li se tkun lura magħna fil-ġranet li ġejjin, il-President von der Leyen, sentejn ilu ġiet b’aspettativa, illum ħa tiġi Malta b’ċertezza, b’ċertezza li għandha Gvern li taf li tista’ toqgħod fuqu. Li taf li proġett iwettqu u taf li riforma jwettaqha u ħa ssib pajjiż differenti ħafna minn dak li ġiet fih sentejn ilu.”