Fl-aħħar sigħat, il-kontinġent ta’ salvataġġ Malti fil-Libja magħmul minn tlieta u sebgħin uffiċjal, li għaddejjin b’ħidma kontinwa bit-tama li jsalvaw il-ħajjiet, tella’ għexieren ta’ iġsma bla ħajja minn qalb it-tifrik f’Derna.
Sa tard waranofsinhar, kienu ttellgħu aktar minn tmenin persuna, sfortunatament kollha mejtin.
F’intervista esklussiva ma’ ONE News, iċ-Chief Assistance Rescue Officer tal-Protezzjoni Ċivili, Anthony Pisani, qalilna dak li sabu ma’ wiċċhom l-uffiċjali Maltin mal-wasla tagħhom f’Derna.
Fil-ħin li ċempilna lil Pisani, tard il-Ġimgħa waranofsinhar, kienet għaddejja operazzjoni oħra bil-għan li tiġi salvata tarbija.
“Hawn sitwazzjoni devastanti, bini mwaqqa’, l-ilma kaxkar kull ma sab, karozzi mgħaffġin, karozzi mgħerrqin taħt ir-ramel, pontijiet imwaqqgħin. Bħalissa waqt li qed inkellmek, in-nies tagħna qegħdin isalvaw tarbija li qiegħda maqbuda ġo zokk ta’ siġra, li qiegħed imdaħħal taħt saqaf kważi mwaqqa’ u n-nies tagħna qed jaħdmu taħtu biex jippruvaw joħorġu lil dan it-tifel minn kif inhu maqbud.”
Meta spjegalna l-ħidma tal-uffiċjali Maltin fl-aħħar sigħat, is-Sur Pisani qalilna li din kienet maqsuma fi tnejn – fuq il-baħar u fuq l-art.
Tul il-jum ittellgħu diversi katavri minn qalb it-tifrik li ngħaddew għand l-awtoritajiet Libjani.
Qalilna wkoll li madwar tlettax-il kilometru bogħod minn fejn seħħ l-inċident ġo Derna, it-terapien ġarr ammont kbir ta’ zkuk u injam li tela’ f’wiċċ l-ilma u fforma dik li ddeskriva bħala gżira żgħira ta’ injam, li fiha hemm maqbuda bejn mitejn u erba’ mitt ruħ.
“Waqt din l-operazzjoni, wieħed mill-bugħaddasa Libjani waqa’ f’hypothermia u diver minn tad-Dipartiment tagħna niżel għalih u tellgħu fil-wiċċ fejn kien hemm it-tabib tal-Forzi Armati u nurse tal-Protezzjoni Ċivili li assistew lil dan id-diver fejn ittella’ u ttieħed l-isptar imbagħad ingħata lill-awtoritajiet tas-saħħa Libjani.”
Filwaqt li serraħ ras il-qraba tal-uffiċjali Maltin kollha li jinsabu qawwijin u sħaħ, u siguri, is-Sur Pisani qalilna kif l-operazzjoni tal-kontinġent Malti se tkompli fis-sigħat li ġejjin.
“Iċ-ċansijiet li nsibu nies ħajjin qed jonqsu bil-minuti jekk ma ngħidlekx bis-sekondi. Hawnhekk hawn ħafna rwejjaħ ta’ iġsma. Tant il-landslide kienet kbira u r-ramel li kien hawn, għadda minn kullimkien, litteralment tela’ aktar minn sular u nofs jekk mhux żewġ sulari. Jekk tara l-gallariji fejn qiegħed jien bħalissa, it-tieni sular tarah biz-zkuk ġo fih, jiġifieri l-ilma għadda dak l-għoli.”
F’aġġornament li ta l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri, wara konferenza tal-aħbarijiet li kellu l-Ġimgħa filgħodu, spjega kif il-lanċa P61 tal-Forzi Armati ta’ Malta tinsab stazzjonata f’Derna tistenna lill-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili.
Huwa spjega kif l-uffiċjali Maltin jinsabu fl-aktar parti milquta ta’ Derna, u l-kuntatt magħhom qed jirriżulta diffiċli peress li waqgħu s-servizzi ta’ komunikazzjoni f’Derna minħabba d-diżastru li hemm.
“J’Alla jsibu aktar persuni ħajjin però minn dak li qed nirċievu anki minn ġewwa Derna, jidher li l-aħbarijiet huma koroh ħafna fejn kontinwament qed isibu aktar u aktar persuni mejtin, kemm taħt ir-ramel, taħt it-tajn u anki taħt il-bini li ġġarraf b’dak li ġara.”
Intant, il-kontinġent Malti jingħaqad ma’ diversi timijiet oħra minn madwar id-dinja li għaddejjin fi ġlieda kontra l-ħin, bil-għan li jsalvaw il-ħajjiet, jew imqar isibu l-mejtin taħt it-tifrik biex tingħatalhom tislima mistħoqqa.
L-uffiċjal għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda, Martin Griffiths, qal li dan id-diżastru huwa tfakkira kbira tat-tibdil fil-klima.
Ċifri tal-fatalitajiet ivarjaw, iżda jidher li sa issa mietu bejn sitt elef u ħdax-il elf, hekk kif eluf oħra għadhom ma nstabux. In-numru sħiħ ta’ ħajjiet mitlufa jista’ jitla’ sa għoxrin elf ruħ.