Għal kull €1 ewro li nħarġet bħala parti mill-iskema tal-cash rebate, immirata biex tattira produzzjonijiet tal-films f’pajjiżna, il-kontribuzzjoni lura fl-ekonomija ta’ pajjiżna fl-2022 kienet ta’ €3 ewro.
Dan ħareġ minn studju indipendenti mill-Malta University Consulting Ltd u li ġie ppreżentat f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ġimgħa waranofsinhar.
Fi preżentazzjoni mill-ekonomista Jessica Camilleri, ġie spjegat li b’kollox fl-2022 kien hemm 24 produzzjoni li nħadmu u nġibed il-kontenut tagħhom f’pajjiżna.
“If we had to take that ratio, it would transpire to a multiplier of 1 is to 3. Which means that with every €1 of public funding that is invested via the cash rebate scheme, we are seeing that for the year 2022 there is a Gross Value Added of a multiplier of €3.”
Fil-fatt, skond din l-analiżi li saret, dawn l-24 produzzjoni kkontribwixxew b’kollox aktar minn €93 miljun ewro fl-ekonomija Maltija. Min-naħa l-oħra ġew investiti ftit aktar minn €31 miljun ewro fl-iskema tal-cash rebate biex b’hekk dawn il-produzzjonijiet ikunu jistgħu jiġu attirati lejn pajjiżna.
Apparti minn hekk dan l-istess rapport juri biċ-ċar li n-nefqa bħala parti mill-iskema tal-cash rebate ġiet irkuprata f’taxxa biss. Dan hekk kif għal kull ewro (€1) li nħareġ, iddaħħlu lura ewro u erbatax-il ċenteżmu (€1.14c) f’taxxa. B’hekk l-iskema waħedha hija awto suffiċjenti.
Ġie spjegat ukoll kif fl-2022, inħolqu 1,772 impjieg fl-industrija tal-films.
Dan apparti li 78% tal-crews li ħadmu f’dawn il-produzzjonijiet kienu Maltin u Għawdxin, filwaqt li 22% biss kienu barranin.
B’hekk 65% tas-sigħat ta’ produzzjoni li nħadmu f’pajjiżna, inħadmu minn persuni Maltin u Għawdxin.
Minn naħa tiegħu l-ekonomista Dustin Chodorowicz mill-Malta University Consulting Ltd li ħadmet fuq dan l-istudju, tenna l-importanza ta’ skemi bħal dik tal-cash rebate, li mhux biss tingħata importanza f’pajjiżna iżda pajjiżi oħrajn madwar l-Ewropa u d-dinja.
Dan fost oħrajn għall-qasam turistiku.
“Malta has already built up several assets from its 10 to 15 years of hosting very popular films, but once a country does build up these assets like Malta, then it can attract people on a consistent basis and that is without negligble further funding from Government.”
Intant, indirizzaw din il-konferenza wkoll il-Kummissarju tal-Films Johann Grech u l-Ministru għat-Turiżmu responsabbli minn dan is-settur Clayton Bartolo.
Min naħa tiegħu Grech irrimarka s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-istudju li jxejjen allegazzjonijiet intenzjonati biex ibeżżgħu u jtellfu x-xogħol, li dehru fil-meżżi soċjali u l-aħbarijiet fl-aħħar jiem. Allegazzjonijiet li kienu mbuttati minn diversi oqsma fosthom mill-Oppożiżżjoni Nazzjonalista.
Huwa tenna l-effett negattiv li dan seta’ kellu fuq din l-industrija anke wara diskussjonijiet ma’ produtturi tal-films barranin.
“Meta jiena niltaqa’ ma’ producers barranin, hawn ġewwa Malta, qaluli imma possibbli din il-ħsara, għalfejn ċertu Maltin huma kontra tagħha. Ma triduniex hawn? Irridu, immorru l-Greċja, irridu mmorru l-Italja, irridu mmorru Franza, irridu mmorru Ċipru? X’tippreferu Gladiator ma jinħadimx hawn u jinħadem Ruma? X’tipreferu Napuljun ma jinħadimx hawn u minflok imur Franza?”
Il-Ministru Clayton Bartolo tenna kif dan l-istudju juri stampa ċara ta’ fejn qiegħda l-industrija tal-films illum il-ġurnata u l-potenzjal li għandu pajjiżna f’dan il-qasam.
Irrimarka kif dan il-Gvern ma beżax jieħu d-deċiżjonijiet li kellu jieħu u li se jibqa’ jieħu biex jassigura qasam aktar b’saħħtu għaż-żmien li ġej.
“Jekk ħa noqgħodu nirraġunaw bil-mentalità negattiva tal-Oppożizzjoni li jridu jkissruha din l-industrija mela allura verament qed juruna li m’għandhomx lil pajjiżna għal qalbhom. Nerġa’ ngħid aħna kburin li Maltin u għalhekk ħa nkomplu ninvestu f’din l-industrija anke fl-iskema tal-cash rebate, which is here to stay.”