Saru arranġamenti speċjali fl-okkażjoni tal-Pride March grandjuż mill-Floriana sal-Belt Valletta u l-kunċert tal-kantanta ta’ fama dinjija Cristina Aguilera fuq il-Fosos tal-Furjana, li qed jiġu organizzati għada fl-okkażjoni ta’ din il-ġimgħa ta’ avvenimenti internazzjonali tal-EuroPride Malta 2023, fejn mistennija jattendu folol kbar.
ONE News tkellem mal-Kordinatur tal-Loġistika tal-EuroPride Malta, William Lewis, li appella lill-pubbliku biex bejn l-4:00 u l-5:00 ta’ waranofsinhar jevitaw Triq Sant’Anna, li se tkun magħluqa.
B’hekk dawk kollha li m’għandhomx għalxiex jidħlu l-Belt huma mħeġġin jevitaw iż-żona ta’ madwar il-Belt, jekk mhux biex jieħdu sehem fl-attivitajiet imsemmija jew bħala neċessità.
Għal dan ukoll saru arranġamenti speċjali tat-traffiku għal matul il-ġurnata.
“Għal għada l-preparamenti huma kollha f’posthom u l-marċ se jibda għall-ħabta tal-4:00 ta’ waranofsinhar minn ħdejn l-Iljun, fi Triq Sant’Anna, u minn hawnhekk ikompli tiela’ għall-Belt Valletta. Fil-fatt minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja lill-entitajiet kollha, kemm lill-Pulizija, Transport Malta u lil-Lesa, li flimkien ikkoperajna biex naraw li l-arranġamenti tat-traffiku jkunu f’posthom biex għada jimxi kollox sew.”
Fil-fatt, bejn l-erbgħa nieqes kwart u l-ħamsa ta’ waranofsinhar, it-traffiku kollu lejn il-Floriana u l-Belt se jiġi direzzjonat lejn it-toroq max-xatt minn Sa Maison u l-Waterfront u jkun jista’ jibqa’ jgħaddi mad-dawra tal-Belt. Mill-ħamsa ta’ waranofsinhar lil hemm, kollox jirritorna għan-normal.
Wara l-marċ se jittella’ l-kunċert tal-kantanta internazzjonali Cristina Aguilera fuq il-Fosos, bil-bibien jinfetħu fis-6:00 ta’ filgħaxija. Aktar kmieni tħabbar li l-kunċert issa hu fully booked.
Għaldaqstant dawk kollha li ma qatgħux il-biljetti tagħhom għall-kunċert, se jingħataw l-opportunità li jsegwuh xorta waħda, b’xandira diretta permezz ta’ big screen li se jittella’ fi Pjazza Tritoni.
“Nixtieq inħabbar li l-kunċert hu sold out, jiġifieri naħseb li se tkun l-akbar attività li qatt rat Malta, l-ammont ta’ barranin li ġew anke għal din l-attività għal dan il-Europride Valletta 2023 hu ammont kbir u għalhekk il-bookings għal-kunċert huma magħluqin.”
Il-Ġimgħa wkoll se jittella’ kunċert ieħor fi Pjazza Tritoni, il-Eurovision Night, li għalih huma se jieħdu sehem fih kantanti rinomati barranin, fosthom Conchita Wurst, Katrina mill-grupp Katrina & The Waves, u la Roux, flimkien ma’ kantanti Maltin, li rrappreżentaw lil Malta fil-Eurovision Song Contest.
Sadanittant, waqt attività separata, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, tkellmet dwar wieħed x’għandu jistenna mill-aħħar avvenimenti li fadal x’jittellgħu fl-aħħar jiem tal-EuroPride filwaqt li appellat sabiex kulħadd iħobb u jgħożż lil xulxin bil-mod uniku tiegħu.
“L-appell tiegħi lill-Maltin u l-Għawdxin hu biex jingħaqdu magħna għall-Pride March fil-Belt biex flimkien niċċelebraw il-kisbiet li għamilna bħala poplu, iżda aktar minn hekk naffermaw l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu għall-ugwaljanza għax qatt mhu biżżejjed u b’attivitjiet bħal dawn infakkru kemm għamilna, kemm fadal xogħol xi jsir iżda fl-aħħar mill-aħħar nuru u nagħtu l-messaġġ tagħna li bħala poplu dejjem naċċettaw u nħobbu lil kuħadd.”