‘Robert Abela qalb in-nies’ hi t-tema tal-appuntament li jmiss minn sensiela ta’ attivitajiet politiċi organizzati mill-Partit Laburista, bis-sehem tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela.
L-attività, li se ssir nhar il-Ħadd li ġej, 17 ta’ Settembru, fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija, se tara lill-Prim Ministru mhux biss iżur lill-Melliħin, iżda wkoll jgħaddi l-messaġġ tiegħu, proprju f’Misraħ il-Parroċċa, li għadha kemm ġiet inawgurata ftit tal-jiem ilu, grazzi għal investiment massiċċ li sar fiha biex titgawda mill-komunità, imma wkoll mill-eluf ta’ Maltin u turisti li jżuru din il-lokalità popolari.
Din l-attività tmur id f’id ma’ żjarat li qed jagħmel il-Prim Ministru f’diversi lokalitajiet biex jibqa’ jħoss il-polz tal-poplu, jisma’ dak li jkollhom xi jgħidu u, fuq kollox, jibbaża l-politika tiegħu fuq tali sentimenti.
Tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph Debattista, li appella lil kulħadd biex jingħaqad mal-Partit Laburista.
Żied jgħid li qed jiġu organizzati attivitajiet varji, iżda b’sentiment komuni – dak li l-Partit Laburista dejjem iżomm lill-komunitajiet u lin-nies fiċ-ċentru tiegħu.
Qal, “Il-Ħadd qed nagħmlu appell biex in-nies jingħaqdu magħna, mal-Prim Ministru. Qed invarjaw l-attivitajiet. Kull ġimgħa, qed nagħmlu attivitajiet differenti, imma b’ħaġa waħda komuni. Dejjem man-nies fil-komunitajiet, qed induru l-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, din hi t-triq li għaddej biha l-Partit Laburista, li se jibqa’ għaddej għax-xhur li ġejjin.”
Debattista aċċenna wkoll għall-avvenimenti importanti li se jkun qed jorganizza l-Partit Laburista fiż-żmien li ġej, fosthom il-Konferenza Ġenerali Annwali u l-kampanja ġbir ta’ fondi, li tilħaq il-milja tagħha fl-1 ta’ Ottubru.
Temm jaċċerta l-pjan ta’ ħidma tal-Partit Laburista: li jibqa’ qrib in-nies, kemm fil-kampanja u anke fil-politika li jkun qed jagħmel.
Qal, “Issa ġejjin attivitajiet importanti, fosthom il-Konferenza Ġenerali, il-kampanja ġbir ta’ fondi, li qed nippjanaw għall-1 ta’ Ottubru, imma qed naraw li l-Partit Laburista jibqa’ qrib in-nies, fil-kampanja u l-politika li jkun qed jagħmel.”