ONE News jinsab infurmat li fl-aħħar sigħat, il-kontinġent Malti fil-Libja magħmul minn 73 uffiċjal, li għaddejjin b’operazzjoni ta’ tiftix u salvataġġ minħabba l-ħerba li hemm kawża tal-maltemp u l-għargħar, tellgħu tnax-il ġisem bla ħajja minn Derna – għaxra mill-port u tnejn mill-art.
F’aġġornament li ta l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri, wara konferenza tal-aħbarijiet li kellu dalgħodu, huwa spjega kif il-lanċa P61 tal-Forzi Armati ta’ Malta tinsab stazzjonata f’Derna tistenna lill-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili li għaddejjin bl-operazzjoni bil-għan li jsalvaw il-ħajjiet.
Huwa spjega kif dalgħodu sar kuntatt mal-uffiċjali fil-Libja, li jinsabu fl-aktar parti milquta ta’ Derna. Il-kuntatt qed jirriżulta diffiċli peress li waqgħu s-servizzi ta’ komunikazzjoni f’Derna minħabba d-diżastru li hemm.
L-uffiċjali Maltin ħadu madwar tmien sigħat mill-port ta’ Benghazi biex waslu fil-post tal-operazzjoni, hekk kif ir-rotta kienet pjuttost diffikultuża minħabba l-ħerba li hemm fil-pajjiż u fit-toroq li jwasslu għall-port.
L-ewwel parti tax-xogħol tagħhom ilbieraħ kienet li jfittxu persuni ħajjin jew mejtin taħt pontijiet u binjiet imfarrka; liema tfittxija rriżultat fin-negattiv u kompliet dalgħodu.
Dalgħodu, il-ħaddiema Maltin huma nvoluti fi tliet tipi ta’ operazzjonijiet – waħda li titratta seba’ persuni mejta fil-port ta’ Derna u t-tieni waħda tinvolvi tfittxija ġo dar mimlija tajn fejn huwa maħsub li hemm tmien persuni. It-tielet operazzjoni qed issir wara rapport ta’ drone li indika li ġo bajja viċin Derna, tlettax-il kilometru ’l barra mill-kosta, hemm sittin persuna f’wiċċ l-ilma.