Fis-Centenary Stadium llejla jitla’ s-siparju fuq il-Kampjonat BOV Premier 2023/24 fejn Marsaxlokk jiffaċċjaw lil Naxxar Lions fl-ewwel logħba tal-istaġun.
Kampjonat li ta’ kull sena jġib miegħu aspettattiva kbira anke hekk kif matul ix-xhur tas-sajf, it-timijiet jagħmlu l-bidliet tagħhom biex isaħħu l-iskwadra u jkunu aktar kompetittivi.
Wieħed minn dawn it-timijiet hu dak ta’ Floriana FC, li se jkun qed jiddebutta fi ħdanu, fil-kariga ta’ kowċ, l-eks midfielder internazzjonali Taljan, Mauro Camoranesi.
Camoranesi, li kien parti mit-tim Taljan li rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2006 u fl-eqqel tal-karriera tiegħu rebaħ diversi unuri mal-klabb ta’ Juventus, qal ma’ dan l-istazzjon li jara potenzjal fil-plejers żgħażagħ Maltin u jittama li, bl-għarfien tiegħu, ikun jista’ jgħaddihulhom biex jgħinhom jikbru fil-kampjonat Malti. Hu kien qed jikkummenta wara konferenza l-Ħamis fejn ġiet imnedija l-iskwadra Furjaniża għal dan l-istaġun ġdid.
Qalilna li l-ewwel impressjoni tiegħu tal-futbol Malti hi pożittiva ħafna.
Qal, “Segwejt xi logħbiet barra, biex ovvjament nidħol fid-dinamika tal-istil ta’ logħob Malti … imma l-impressjoni hi pożittiva ħafna. Nemmen li hemm ħafna żgħażagħ li jixtiequ jikbru u nittama li nagħtuhom daqqa t’id jagħmlu dan.”
Il-coach ta’ 46 sena mwieled l-Arġentina, beda l-karriera professjonali tiegħu fl-1995 f’art twelidu, waqt li mbagħad lagħab fil-Messiku u l-Urugwaj, qabel ingħaqad mal-klabb ta’ Verona fis-sena 2000. Hawnhekk, il-wirjiet tiegħu ġibdu l-attenzjoni sentejn wara tal-klabb rinomat u dak iż-żmien champions tal-Italja, Juventus.
Ma’ dan il-klabb lagħab għal tmien staġuni konsekuttivi fejn rebaħ is-Serie A, darbtejn is-Supercoppa u wasal sal-final tal-UEFA Champions League.
L-istilla Arġentina, li bis-saħħa ta’ bużnannuh, li kien Taljan, irnexxielu jġib iċ-ċittadinanza Taljana, beda jintagħżel mat-tim nazzjonali fl-2003. Mal-Italja ħa sehem f’żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja fl-2006 fil-Ġermanja u erba’ snin wara fl-Afrika t’Isfel, fil-UEFA Euro 2004 fil-Portugall u l-UEFA Euro 2008 fl-Awstrija u l-Iżvizzera, u fil-FIFA Confederations Cup tal-2009 fl-Afrika t’Isfel.
B’kollox lagħab 55 partita man-nazzjonal fejn skorja erba’ gowls.
Eventwalment hu mar jilgħab fil-Ġermanja ma’ VfB Stuttgart fl-2010 fejn għamel staġun wieħed, qabel irritorna jilgħab fl-Arġentina fejn irtira mill-karriera tiegħu bħala plejer fl-2014.
Fil-fatt, staqsejnih għar-reazzjoni tiegħu dwar il-karriera li kellu.
Qal, “Kien hemm ħafna okkażjonijiet sbieħ, imma issa tant għaddew snin li, fl-aħħar mill-aħħar, aktar qed nieħu gost fil-karriera tiegħi bħala coach milli noqgħod naħseb fuq kif kien il-passat tiegħi bħala plejer.”
Hekk kif minn Ġunju ta’ din is-sena ’l hawn beda bl-avventura mal-Floriana, Camoranesi semma ħaġa waħda li kellu jaddatta għaliha – it-turf sintetiku.
Qal, “Għalija anke kienet novità, speċjalment tittrenja u tilgħab fuq is-sintetiku. Hi xi ħaġa li mhemmx f’kull pajjiż, allura kien hemm perjodu li kelli naddatta.”
Camoranesi bħala Head Coach, se jkun mgħejjun mill-Assistent Tekniku Fernando Nowicki, l-Assistent Coach Brian Said u l-Keeper Coach Simon Grech.
L-iskwadra Furjaniża, li se tkun qed tibda l-impenji tagħha fl-istaġun 2023/2024 proprju l-Ħadd kontra Santa Luċija, se tkun magħmula minn disa’ barranin u 16-il plejer Malti.