B’investiment ta’ €20 miljun, proġett-pilota ġdid se jara l-introduzzjoni ta’ 30 vettura tal-linja elettrika ġdida fis-servizz tat-trasport pubbliku. Dan ifisser 410 vjaġġ aktar kuljum, fi 15-il rotta meqjusa kruċjali għall-konnettività. Kull vettura se tkun kapaċi tkopri sa 300 kilometru fuq charge wieħed.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u ċ-Chairman tal-Malta Public Transport, Felipe Cosmen, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Jonathan Borg, u l-General Manager tal-Malta Public Transport, Konrad Pule.
Dawn il-vetturi, se jnaqqsu l-istorbju u jnaqqsu t-tniġġis b’madwar 70% meta mqabbla mal-karozzi tal-linja li jaħdmu bil-fjuwil konvenzjonali.
Dawn il-karozzi tal-linja elettriċi huma maħsuba biex itejbu l-esperjenza ġenerali tal-ivvjaġġar, b’aktar effiċjenza.
Sadanittant, il-Gvern hu kommess li jkompli għaddej b’dan il-proċess, hekk kif, sa sentejn oħra, se jkunu qed jinbidlu 120 vettura tal-linja biex jiddaħħlu oħrajn elettriċi.
Dan l-investiment mill-Gvern flimkien mal-operatur mistenni jammonta b’kollox għal €80 miljun.
Proġett pilota ieħor se jkun fuq dawk ir-rotot fejn ma tantx hemm konkorrenza għalihom, fl-ibliet u l-irħula, biż-żieda ta’ minibus elettrika mal-flotta preżenti.
Il-Gvern qed jikkollabora wkoll mal-operatur biex is-servizz isir aktar aċċessibli u affordabbli.
Il-Ministru Farrugia enfasizza kif il-Gvern qed jinvesti mingħajr preċedent fi trasport alternattiv, fuq quddiem nett, fit-trasport pubbliku bil-mira ċara li jnaqqas id-dipendenza tal-karozzi personali.
Żied jgħid li dawn it-tletin vettura ġdida elettriċi se jingħaqdu mal-erbgħa mija u tletin vettura oħra li diġà hemm fil-flotta nazzjonali biex b’hekk ikun hemm żieda fil-frekwenzi u tisħiħ tar-rotot.
Il-Ministru Farrugia, spjega x’se jkunu qed ifissru dawn il-vetturi għal diversi persuni.
“Ħa jkollna dawn il-buses kollha li jkunu qed jilqgħu għad-domanda kbira li kien hawn, għax tinsewx, li sena ilu, il-Gvern għamel tal-linja b’xejn għal kulħadd. Hu t-tieni pajjiż, l-uniku pajjiż, ħlief pajjiż ieħor, li qed jagħti dan is-servizz, wara li d-domanda żdiedet, kif wieħed jistenna. Allura qegħdin nirrikalibraw li qegħdin noffru, dawn il-buses ġodda mgħammrin bl-aħħar teknoloġija.”
Minbarra hekk, dawn il-karozzi tal-linja se joffru wkoll numru ta’ servizzi, fosthom punti tal-iċċarġjar u WiFi b’xejn.
Iċ-Chairman tal-Malta Public Transport qal li, hekk kif f’Awwissu ta’ din is-sena ntlaħaq rekord ta’ aktar minn sitt miljun passiġġier f’xahar, dan għandu jixpruna aktar ħidma ħalli s-servizz tat-trasport pubbliku jsir aktar attraenti għall-passiġġieri.
“We are really pleased to be here today, we have these 30 new units, we will deploy them as soon as possible on the road, it is a positive and key milestone for the company, and especially for the country. We will reduce emissions, with knowledge and people will enjoy their customer experience.”
Il-General Manager tal-MPT kompla jispjega aktar fid-dettall x’se jinkludu dawn il-vetturi.
L-electric charging depot, fil-Furjana, biex inkunu nistgħu niċċarġjaw fihom dawn il-vetturi kuljum. L-idea hi, primarjament, biex inżidu l-ammont ta’ karozzi, fis-servizz tat-trasport pubbliku ħalli nżidu aktar nies u l-frekwenzi, biex kemm jista’ jkun, in-nies ma jistennewx fuq il-bus stop, u fl-aħħar mill-aħħar, innaqqsu wkoll l-emmissjonijiet mit-trasport pubbliku.”