L-aħbar li l-impjant ta’ Sant’Antnin se jinbidel fi spazju aħdar, fi proġett li se jagħti kważi erbgħa u għoxrin elf metru kwadru lura lill-komunità, kompliet tintlaqa’ tajjeb, din id-darba mill-ġurnal L-Orizzont.
Bit-titlu ta’ ‘Prova oħra ta’ kemm l-ambjent hu prijorità’, L-Orizzont irrikonoxxa fl-editorijal tiegħu kemm il-Gvern qed jagħti prijorità lill-ambjent ta’ pajjiżna.
Fil-fatt, l-editorjal jispjega li dan wassal biex il-Gvern jieħu miżuri li mhux biss qed jipproteġu, iżda wkoll ikabbru l-għarfien u l-kultura tal-poplu favur l-ambjent billi jkun ta’ eżempju hu stess.
Dan wassal lill-Gvern biex jieħu miżuri mhux biss ta’ protezzjoni, imma wkoll li jkabbar il-kultura tal-poplu favur l-ambjent billi jkun ta’ eżempju huwa stess
L-editorjal spjega li l-aħbar li se jingħalaq l-impjant ta’ Sant’Antin, li kien ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti tal-madwar l-aktar bl-irwejjaħ li kien jarmi, hi ta’ konsolazzjoni mhux biss għall-istess residenti, imma wkoll għall-poplu inġenerali. Dan billi s-sit se jiġi mibdul f’park aħdar għall-familji.
Il-ġurnal faħħar ukoll id-disinji li ġew ippubblikati ta’ kif se jidher il-proġett u kif minn impjant tat-trattament tal-iskart se jiġi spazju aħdar iddominat minn siġar u korpi tal-ilma.
Il-fehma ta’ L-Orizzont xeħtet dawl ukoll fuq il-fatt li l-proposta ta’ parkeġġ taħt l-art, li se jservi wkoll lil Marsaskala b’e-park and ride, jinkoraġġixxi mobilità sostenibbli.
L-Editur spjega li dan il-proġett se jsir fi sfond ta’ konsultazzjoni pubblika u finalment id-deċiżjoni se tittieħed wara din il-konsultazzjoni, li juri l-impenn tal-Gvern li jisma u jagħti widien għal dak li jgħidu n-nies.
L-editorjal temm jgħid li iktar kemm ikun hawn spazji ħodor mhux biss igawdu l-familji Maltin minn ambjent san, imma wkoll ikompli t-tisbiħ ġenerali ta’ pajjiżna.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, nhar it-Tlieta wkoll tkellmu b’tifħir dwar dan il-proġett, is-Sindku ta’ Marsaskala stess, Mario Calleja, u s-Sindki taż-Żejtun u Ħaż-Żabbar, Doris Abela u Jorge Grech, rispettivament.