Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Politika Soċjali, David Agius, li hu wkoll kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista, wera biċ-ċar li ma jafx l-aktar affarijiet bażiċi tal-proċeduri tal-amministrazzjoni pubblika.
Waqt intervent fi programm televiżiv, hu tkellem dwar l-allegat abbuż ta’ benefiċċji, każ li diġà qed jiġi investigat mill-Pulizija.
Agius qal li l-Awditur Ġenerali kellu jiġi informat, mentri meta l-amministrazzjoni pubblika jkollha suspett ta’ reat kriminali, trid tiġi informata l-Pulizija u mhux l-Awditur Ġenerali.
Fil-fatt, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, permezz ta’ post fuq Facebook, stieden lil David Agius, li allega li jaf b’aktar abbuż li għaddej fid-Dipartiment tas-Siġurta’ Soċjali, sabiex jirraporta dan lil Pulizija – li wara kollox huwa d-dover tiegħu.
Ikkuntattjat minn ONE News, kelliem għall-Ministeru qal li l-amministrazzjoni pubblika kienet diġà rrapportat għal aktar minn darba lill-Pulizija fejn kien hemm suspetti, u dan sar kemm f’Novembru tal-2021 u mill-ġdid f’Settembru u Ottubru tal-2022.
Dan filwaqt li l-amministrazzjoni dejjem uriet koperazzjoni sħiħa billi tat l-informazzjoni meħtieġa u mxiet mal-istruzzjonijiet tal-pulizija.
Dmir l-amministrazzjoni pubblika, b’rabta ma’ dan il-każ, kien moqdi ferm qabel it-3 ta’ Settembru. Dan kif jixhed artiklu tat-Times of Malta, li ħareġ fis-sitta t’April b’rabta mal-każ.
L-artiklu msemmi kien jgħid ċar u tond li Diviżjoni fi ħdan il-Ministeru kienet irreferiet dawn il-każi għand il-Pulizija.
Fil-fatt, is-Segretarju Permamenti, fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Mark Musù, b’intervent fuq il-programm ‘Paperscan’ nhar il-Ħadd, qal li l-Ministeru lanqas kien jaf bil-każ, hekk kif il-każ ġie riferut direttament lill-Pulizija.
Fejn il-Ministeru nduna b’ċertifikati li dehru ffalsifikati, dlonk informaw lill-Pulizija biex dawn jibdew bl-investigazzjonijiet neċessarji.
Inħatar ukoll bord indipendenti biex jevalwa l-proċessi għal aktar trasparenza. Dan kien ippjanat li jsir malli l-Pulizija tlesti l-investigazzjoni tagħha biex ma jtellifx l-investigazzjonijiet.
Minkejja kull spin, li qed tagħti lill-każ l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, il-Gvern mexa b’mod trasparenti f’dan il-każ.