Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, inawgura klinika ġdida li tinsab ħdejn il-Knisja tal-Iklin.
Din il-klinika se toffri erba’ servizzi lir-residenti tal-Iklin u l-madwar. Dawn jikkonsistu mill-klinika tat-tabib tal-familja, il-klinika tal-infermieri, servizz tal-patoloġija tal-lingwa mitkellma u tal-ortotika.
Dan Il-proġett kien iffinanzjat mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali (NDSF) u kien jinkludi r-rinnovar tal-binja u x-xiri tal-apparat mediku.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne fakkar li dawn is-servizzi ta’ din il-klinika jingħaqdu mal-istess kategorija ta’ servizzi offruti miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara, li ġie inawgurat ftit tal-ġimgħat ilu wara investiment b’saħħtu fis-servizzi u fl-estetika tal-post.
Id-Deputat Prim Ministru stqarr li aktar ma jinfetħu kliniċi ġodda madwar Malta u Għawdex, aktar qed ikun innotat l-effett pożittiv fuq saħħet ir-residenti.
“Aktar ma jgħaddi żmien, iżjed qiegħed jidher kif iċ-ċentri komunitarji għas-saħħa, il-bereġ, qegħdin ikunu mhux biss milqugħin tajjeb, imma qegħdin iħallu effett tajjeb fuq is-saħħa tal-pazjenti, tal-klijenti li jkun hemm fl-ibliet u fl-iħula tagħna u għalhekk qegħdin inkomplu niftħu aktar bereġ, aktar ċentri komunitarji għas-saħħa madwar Malta u Għawdex.
Mr Fearne temm jirringrazzja lit-tim tas-Servizzi tal-Kura tas-Saħħa Primarja tax-xogħol li sar fl-Iklin u fi kliniċi f’komunitajiet oħrajn li se jkunu qed jinfetħu fil-ġimgħat li ġejjin.