Mal-400 parteċipant ħadu sehem fis-16-il-konferenza annwali ta’ FinanceMalta, bit-tema ‘Leading Change Through
Innovation’, fejn ġew ittrattati suġġetti relatati mas-servizzi finanzjarji minn madwar 40 espert lokali u internazzjonali.
Fost l-oħrajn, indirizza wkoll il-konferenza l-Ministru Clyde Caruana fejn enfasizza l-intenzjoni tal-Gvern li jara li sseħħ l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Servizzi Finanzjarji li tnediet mill-Kunsill Konsultattiv tas-Servizzi Finanzjarji Malti (MFSAC) f’Marzu li għadda.
Hu qal li miżuri speċifiċi f’dan ir-rigward se jissemmew fil-baġit li ġej.
Id-diskussjoni ġabet f’perspettiva l-progress li qed jiġi rreġistrat fil-livell lokali bħala riżultat tal-isforz tal-intrapriżi privati kif ukoll tar-regolaturi. Dan kien segwit mill-qsim ta’ għarfien dwar is-suq tal-green bonds u l-ewwel green bonds fil-Borża ta’ Malta.
Il-konferenza ddiskutiet ukoll ir-rwol ċentrali tal-FinTech bħala mutur ewlieni tal-innovazzjoni.
F’dan il-qasam, id-delegati ġew mgħarrfa wkoll dwar l-istudju li qed isir minn Mastercard b’kollaborazzjoni ma’ FinanceMalta.
L-istudju hu mmirat biex jikseb fehim aktar profond tal-ekosistema Fintech Maltija u t-triq ’il quddiem.
Id-diskussjoni dwar l-immodernizzar tas-sistema tat-tassazzjoni f’Malta tefgħet importanza fuq il-komponent tat-taxxa fis-servizzi finanzjarji, biex jiġi żgurat li t-tassazzjoni taqbel mal-profil tal-ġurisdizzjoni filwaqt li tingħata spinta lir-reputazzjoni u l-effiċjenza taċ-ċentru finanzjarju Malti.