Żewġ iġsma fossilizzati, allegatament ta’ “aljeni” ġew ippreżentati waqt sessjoni speċjali tal-Kungress Messikan. Fil-preżentazzjoni, li saret mill-ġurnalist u xjenzat tal-UFOs Jaime Maussan, ingħad li l-fossili aljeni ġew irkuprati mill-belt ta’ Cusco, fil-Perù, u hu stmat li għandhom madwar 1,000 sena.
Maussan, li xehed taħt ġurament, enfasizza li dawn instabu mgħottija b’saff ta’ ramel f’minjiera u diġà sarulhom testijiet rigorużi, inkluż dawk tad-DNA u ‘carbondating’ mill-Università Nazzjonali Awtonoma tal-Messiku.
Akkumpanjat mill-eks pilota Amerikan Ryan Graves u mill-professur tal-astrofiżika tal-Università ta’ Harvard, Avi Loeb, Maussan argumenta għad-dritt tal-pubbliku li jitgħallem dwar esseri mhumiex umani u teknoloġiji ta’ barra din id-dinja.
Minkejja d-dikjarazzjonijiet tiegħu, Maussan safa fil-kritika li għadu mhux ċar jekk dak li qed jippreżenta hix xi ħaġa awtentika u l-każ ġie assoċjat ma’ allegati sejbiet li kienu miċħudin preċedentement.