Waqt li wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, wara konferenza li ttrattat id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza diversi temi, fosthom, kif bħalissa għaddejjin diversi investigazzjonijiet dwar l-allegat każ ta’ abbużi mill-benefiċċji soċjali.
Il-Prim Ministru reġa’ kkonferma li meta kien hemm xamma ta’ allegat abbuż, lura sentejn ilu, dan ġie riferut mill-ewwel lill-Korp tal-Pulizija u li fuqu ttieħdet mill-ewwel azzjoni mill-Gvern.
Dr Abela kkonferma li bħalissa 160 persuna qed jiġu investigati fuq benefiċċji li allegatament ma kinux dovuti lilhom.
“Twaqqfet inkjesta amministrattiva biex tara jekk hemmx lok li jkun hemm aktar titjib tas-sistemi biex każi bħal dawn ma jerġgħux jirrepetu ruħhom. Qed nitkellmu dwar sistemi li ħadmu fis-sens li meta tfaċċat irregolarità, il-Korp tal-Pulizija ħa azzjoni u kien għalhekk ukoll li l-investigazzjoni li għadha għaddejja wkoll wasslet biex numru ta’ persuni jitressqu l-Qorti. Fl-istess waqt id-dipartiment ra li fejn kien hemm każi fejn numru ta’ persuni li rċevew benefiċċju li ma kienx dovut lilhom, jekk hux Pensjoni tal-Invalidità, Pensjoni dwar Diżabilità Severa, ra li jibda l-proċess biex jirkupra l-ammont li hu dovut u nemmen li dak hu punt importanti li l-ammont li ma kinux dovuti jitħallsu lura.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawn il-Prim Ministru nnota d-differenza bejn Gvern Laburista u l-Partit Nazzjonalista li qed jipprova jippolitiċizza dan il-każ minflok jara li ssir il-ġustizzja sħiħa.
“Irrid nirrimarka fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel kummenti li jiena minix se naċċettahom fejn implika li jiena mexxejt jew kont konxju ta’ dan iċ-ċirku jew kont proprju fiċ-ċentru tiegħu meta jien kont il-bniedem li qajjimt u ressaqt dan l-allegat abbuż quddiem l-awtoritajiet biex jinvestigawh. Kien Bernard Grech li għatta meta kellu irregolarijiet quddiemu, għattihom kif għamlu l-predeċessuri tiegħu. Jiena urejt kif verament jitmexxew sistemi ta’ trasparenza f’dan il-każ.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-għajnuna li qed tingħata lill-poplu mill-Gvern Malti hekk kif investa aktar minn ħames mija u erbatax-il miljun ewro f’sussidji biex jagħti stabilità lill-familji u n-negozji, waqt żminijiet ta’ sfidi internazzjonali mingħajr preċedent.
“Jekk tgħidli jekk il-problema tal-inflazzjoni teżistix, ngħidlek li teżisti, imma, kieku ma ħadniex deċiżjonijiet strateġiċi biex intaffuha, il-problema kienet tkun ferm agħar. Insemmi l-kwistjoni tas-sussidji fil-kontijiet tad-dawl, fil-kontijiet tal-petrol u d-diesel, l-għajnuna li tajna fl-importazzjoni tal-qmugħ u tal-ġwież, għajnuniet oħrajn bħall-benefiċċji li introduċejna fil-baġit li għadda biex jagħmel tajjeb għall-inflazzjoni, jiġifieri lil hinn mill-mekkaniżmu tradizzjonali tal-COLA, imma daħħalna mekkaniżmu ieħor li hu wieħed rikorrenti, jiġifieri ħa jibqa’ jitħallas ta’ kull sena biex dawk il-persuni l-aktar vulnerabbli fiċ-soċjetà tagħna jibqgħu jirċievu l-għajnuna li hi meħtieġa. ”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Abela ġie mistoqsi wkoll fid-dawl tal-pajjiż ġar tagħna, il-Libja, li ntlaqat minn maltemp u għargħar qawwi u ħalla eluf ta’ nies mejta u aktar minn 10,000 persuna ġew irrapportati neqsin.
Fil-fatt il-Prim Ministru rringrazzja l-ħidma sfieqa li għaddejja fil-Libja minn 73 uffiċjal Malti biex jassistu lill-poplu Libjan u spjega li Malta għandha pjan jekk sfortunatament Malta tintlaqat minn xi ħaġa bħal din.
“Hemm pjan biex jekk pajjiżna jintlaqat minn xi għargħar ikollu l-azzjonijiet li jista’ jieħu, imma mhux hekk biss. Rajna li nassistu minnufih lill-poplu Libjan meta ffaċċja dan il-fenomenu naturali. Bis-saħħa tas-CPD u l-Forzi Armati u numru ta’ tobba li vvolontarjaw huma stess biex jassistu lill-poplu Libjan, immedjatament bgħattna dgħajsa b’madwar 72 persuna li qegħdin jagħtu assistenza umanitarja. Minn qalbi nirringrazzjahom tal-kuraġġ li wrew li jmorru jgħinu lill-poplu ħabib ferm tagħna u kelli l-opportunità nitkellem ukoll mal-Prim Ministru Dbeibah fuq dak li għaddej bħalissa fil-Libja.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Isma’ t-tweġibiet tal-Prim Ministru: