Il-Banda Queen Victoria A.D. 1865 taż-Żurrieq ġiet mistiedna tagħti żewġ servizzi uniċi għar-raba’ darba fil-Portugall.
Din se tkun l-ewwel banda Żurrriqija li ġiet mistiedna għar-raba’ darba lill hinn minn xtutna fejn ser tkun qiegħda tagħti żewġ servizzi uniċi. L-ewwel servizz sar l-Erbgħa 13 ta’ Settembru, propju fil-jum li fih titfakkar il-Ħames Dehra tal-Madonna. Il-banda animat quddiesa sollenni propju fil-post fejn dehret il-Madonna.
Il-Banda Queen Victoria se tkun qed tagħmel it-tieni servizz tagħha nhar is-Sibt 16 ta’ Settembru ġewwa Lisbona. Din id-darba se tkun qed tesegwixxi programm vokali u strumentali fil-pjazza prinċipali tal-istess belt, Praça Do Commércio, quddiem diversi mistiedna distinti fosthom il-korp diplomatiku residenti kif ukoll il-membri tal-Muniċipalità ta’ Lisbona.
It-tmexxija tal-Għaqda Karmelitana saħqet li l-Banda Queen Victoria tinsab ħerqana ħafna għal din l-esperjenza. Fl-istess ħin tinsab onorata li ntgħażlet għal din l-opportunità. Il-kontingent Malti huwa magħmul minn 162 persuna li fosthom hemm 40 bandist. Il-Banda tinsab akkumpanjata wkoll mill-Baritonu Alfred Camilleri flimkien mas-Sopran Tamara Attard taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mauro Farrugia.