F’inqas minn 24 siegħa wara li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għadda r-rimarka li se joħloq politika li tqanqal il-muntanji waqt il-protesta tat-Tnejn filgħaxija, il-predeċessur tiegħu sab ix-xoqqa f’moxtha biex jibbottja wkoll dwar dan.
Iż-żelqa f’diskors isteriku tal-Kap quddiem folla ta’ ftit mijiet li nġabret biswit il-Parlament, minkejja l-ħafna tentattivi biex in-nies tinżel fit-toroq kontra l-Gvern, żdiedet ma’ kullana ta’ gaffes li qed ikomplu jagħmlu lil Grech l-akbar farsa fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, inkluż minn ħdanu stess.
Dan waqt li l-ġlied intern bejn il-ħafna fazzjonijiet li ma jarawx għajn m’għajn baqa’ ma qata’ xejn. Dan kif wera l-inċident vjolenti waqt il-marċ tal-festa ta’ San Gejtanu x-xahar li għadda bejn il-fazzjoni ta’ Bernard Grech u partitarji ta’ Mario De Marco, waqt li Grech ma tħalliex jidħol f’każin tal-Partit stess.
Adrian Delia, li tqaċċat mit-tmexxija Nazzjonalista tliet snin ilu f’rivolta tal-establishment biex tpoġġa Grech minfloku, it-Tlieta waranofsinhar tella’ ritratt fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook jippoża fuq il-Mount Blanc fi Franza. Dan kompla jitma’ l-kilba ta’ dawk li jagħmlu l-fazzjoni tiegħu fil-Partit Nazzjonalista.
Mingħajr ma rrefera speċifikament għall-kumment tas-suċċessur tiegħu ġurnata qabel, Delia bbottja li hu kien irnexxielu jitla’ fuq l-ogħla muntanja fl-Ewropa.
Ma’ dan hu żied emoji ta’ tehmiża b’ilsien barra, ovvjament biex min għandu jifhem, jifhem.
Fil-fatt, f’uħud mill-kummenti li ttellgħu mal-post, ħadu l-messaġġ tiegħu.
Il-Viċi Kap ta’ żmienu, id-Deputat David Agius, li wkoll spiċċa fil-mira tal-establishment fl-aħħar jiem, tah l-approvazzjoni tiegħu anke b’sinjal ta’ qawwa.
Oħrajn ġibdu l-attenzjoni dwar id-dgħufija attwali tal-Oppożizzjoni u li, aktar minn tqanqil tal-muntanji, hemm bżonn theżżiża fil-Partit Nazzjonalista.
Dan ikompli jindika b’mod ċar kemm Grech mhux jirnexxielu lanqas jikkonvinċi lil dawk fi ħdan il-Partit tiegħu stess. Xi ħaġa li hu konxju minnha anke l-establishment Nazzjonalista, wara li fl-2020 kien hu li poġġa lil Grech fit-tmexxija.
Fil-fatt fl-aħħar xhur ħa passi biex ipatti għad-dgħufijiet ta’ Grech u reġa’ ħareġ lill-Eks Kap Lawrence Gonzi fuq it-trunċieri biex jimla l-vojt.