“Xeni xokkanti.”
Hekk qed jiddeskrivu s-sitwazzjoni dawk li qed jaraw b’għajnejhom il-ħerba li ħalliet il-maltempata fil-Lvant tal-Libja.
L-iġsma bla ħajja tan-nies li qed jitkaxkru mal-kurrent tal-għargħar qawwi fuq l-art, qed jindifnu f’boroż tal-plastik f’dawk meqjusin bħala oqbra komuni tal-massa.
Fil-jum tal-Erbgħa n-numru ta’ mejta fil-belt ta’ Derna kawża ta’ dan l-għargħar qawwi, u li għandu qawwa ta’ tsunami, tela’ għal aktar minn 5,300 persuna.
Uffiċjali tal-Gvern Libjan qalu kif fis-sigħat li ġejjin dan in-numru mistenni jirdoppja, hekk kif it-tama li dawk mitlufa fl-ilmijiet jinstabu ħajjin, hi minima.
Aktar minn 10,000 persuna għadhom irrapportati neqsin kawża tal-għargħar.
Xena xokkanti oħrajn kienu b’ritratti fuq il-midja soċjali minn diversi żoni fil-pajjiż ġar tagħna, ta’ nies, fosthom tfal mitlufin u b’appell biex jinstabu.
Permezz ta’ intervista telefonika, ONE News tkellem mal-Isqof Sandro Overend Rigillo u li bħalissa jinsab il-Libja, ftit kilometri ’l bogħod minn fejn seħħet din it-traġedja.
Ftit tal-ġimgħat liu, l-Isqof Malti, inħatar mill-Papa Franġisku, fost l-oħrajn, bħala l-Vigarju Appostoliku ta’ Benghazi u bħalissa anke l-Amministratur Appostoliku ta’ Derna – il-belt li ntlaqtet l-agħar fil-maltemp.
L-Isqof, li jinsab sigur fil-parroċċa li jgħix fiha, iddeskriva s-sitwazzjoni xejn sabiħa, b’toroq imkissrin, djar li tkaxkru mal-kurrent u b’żoni miksijin tajn, tifrik u karozzi maqlubin ma’ kullimkien.
“Bħalissa t-toroq huma mkissrin, komunikazzjoni lejn Derna ma rnexxilniex naqbdu għalissa, għax l-internet spiċċa, mhemmx komunikazzjoni. Li xtaqna li mmorru lejn Al-Bayda, però minħabba li t-toroq huma magħluqin ma nistgħux niċċaqilqu minn hawn.”
B’passjoni u emozzjoni kbira, l-Isqof Malti fil-Libja qalilna kif ix-xewqa tagħhom hi li bħalissa jkunu qrib dawk l-aktar fil-bżonn, f’dawn il-mumenti deskritti bħala tal-waħx.
“Kif l-awtoritajiet jagħtuna l-go ahead, aħna mmorru hux. Irridu naraw, mhux biss għall-Insara, imma anke għal-Libjani. Dan poplu b’qalbu f’idejh u li l-bażi tal-ħajja tagħhom hi l-ħbiberija u li għandu din l-pjaga li ġiet fuqu tal-uragan. Jiġifieri aħna rridu nagħtu dik l-id ta’ ħbiberija hux hekk.”
L-Isqof żied jgħid kif hemm mijiet ta’ nies li tilfu l-qraba tagħhom, saħanistra dawk li tilfu l-ulied żgħar.
Filwaqt li appella għas-solidarjetà sħiħa minn kulħadd, hu nnota kif Malta kienet waħda mill-pajjiżi li immedjatament bagħtet l-għajnuna tagħha permezz ta’ kontinġent ta’ 73 uffiċjal.
“Kien hemm raġel qed jitkellem u qal kif kellu l-mara u t-tfal li tilifhom kollha. Dawn għandhom sofferenzi kbar ħafna. L-unika ħaġa li l-umanità tista’ tagħmel hi s-solidarjetà u l-viċinanza.”
Overend Rigillo mhux l-unika Isqof Malti fil-Libja, hekk kif id-Djoċesi ta’ Tripli titmexxa mill-Isqof Għawdxi George Bugeja.
Sadanittant il-midja internazzjonali rrapportat kif l-isptarijiet u l-kliniċi fil-Lvant tal-Libja huma mifqugħin bin-nies u kif dawn mhux qed ilaħħqu mad-domanda.