Disa’ persuni ġew arrestati f’żewġ operazzjonijiet b’rabta ma’ allegat traffikar tad-droga, li saru mill-Pulizija matul il-jum tat-Tlieta.
Dan hekk kif wara investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija, ġie ċċirkondat garaxx f’San Pawl il-Baħar fejn instabu madwar 15-il kilogramma sustanza suspettata kokaina, b’valur fit-triq ta’ madwar €2 miljun.
B’rabta ma’ dan l-istess każ, il-Pulizija wettqet tfittxija wkoll f’residenza fil-Gżira.
Minn dawn iż-żewġ postijiet, ġew arrestati sitt persuni – żewġ Maltin u erba’ Taljani. Fl-operazzjoni l-oħra, fil-Ħamrun u Ħal Qormi, ġew arrestati tliet Maltin.
Dan hekk kif, minn tfittxijiet, instabu ammont ta’ kokaina u eroina.
Il-persuni arrestati qegħdin jinżammu fil-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Floriana għal aktar stħarrig, filwaqt li l-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia qiegħda tmexxi inkjesta maġisterjali.