Omm anzjana ta’ ħamsa u sebgħin sena u binha, baqgħu jinżammu arrestati wara li allegatament, kienu nvoluti fi grupp ta’ tlieta min-nies li jwettqu pickpocketing tal-basktijiet, u li mbagħad jisirqu l-flus kontanti mill-ATMs bil-karti tal-kreditu misruqa.
Aleksandrova Gergina ta’ ħamsa u sebgħin sena, binha Aleksandrov Zlatko ta’ sitta u erbgħin sena, u Aleksandrova Eftima ta’ sebgħa u għoxrin sena, ilkoll mill-Bulgarija, ġew identifikati bħala s-suspettati wara diversi serqiet li seħħew, il-maġġoranza tagħhom fil-Belt, f’din l-aħħar sena.
L-Ispetturi Daryl Borg u Gabriel Micallef akkużaw lit-trio li serqu basket ta’ mara f’Settembru li għadda. Jumejn wara l-allegat każ, ġibdu sitt mitt ewro minn ATM fil-Belt bil-karta tal-kreditu tal-vittma.
Din is-serqa kienet segwita minn episodju simili fl-istess xahar meta allegatament, insteraq basket ieħor li fih kien hemm nuċċali tax-xemx, nuċċali tal-vista, kartiera, flus kontanti u affarijiet oħra. Fl-istess jum inġibdu sitt mitt ewro oħra minn ATM differenti fil-Belt stess.
Kważi sena wara, it-trio – li qalu lill-Qorti li qed joqogħdu f’lukanda, allegatament serqu basket mill-Belt u kartiera minn Tas-Sliema.
It-tlieta li huma wieġbu mhux ħatja u nżammu arrestati.