Crew ta’ ONE News segwa mill-qrib l-aħħar tħejjijiet fil-Menqa, qabel mal-uffiċjali Maltin, inkluż tobba u infermieri, salpaw għal vjaġġ lejn Benghazi fil-Libja, abbord il-lanċa P61 tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Fuq il-lanċa ġew mgħobbija l-vetturi tal-Protezzjoni Ċivili li se jgħinu fl-operazzjoni ta’ salvataġġ, fosthom anke dinghy u tagħmir tal-għadds, flimkien ma’ riżorsi oħrajn bħall-ilma, u apparat biex l-uffiċjali jaqilgħu n-nies minn taħt it-tifrik tal-għargħar.
Qabel tela’ fuq il-lanċa, iċ-Chief Assistance Rescue Officer tal-Protezzjoni Ċivili, Anthony Pisani, spjegalna aktar fid-dettall kif se titmexxa l-operazzjoni.
Qal, “Infaqgħet id-diga u għad hemm nies maqbudin fl-ilmijiet ġod-djar. Din id-darba aħna se jkollna breaching, nagħmlu toqob fil-binjiet biex inkunu nistgħu naslu għal fejn naħsbu li hemm in-nies biex inkunu nistgħu noħorġuhom minn hemm. Ikun sodisfazzjon kbir għalina li noħorġu n-nies ħajjin.”
Biswit id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Clinton O’Neill, il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri qalilna kif bejn wieħed u ieħor, din il-missjoni mistennija ttul sa nhar is-Sibt.
Qal, “Hija l-ewwel darba li telgħin mhux bil-mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili, jiġifieri din id-darba telgħin għal rasna, u allura iktar responsabbiltà. Għandna leaders ta’ esperjenza kbira, kemm mis-CPD u mill-AFM, fosthom persuna mis-CPD li ħadem fil-Libja u allura jaf il-lingwa, lin-nies, eċċ, li se tgħinna ħafna, u anke arranġamenti li diġà għamilna mal-awtoritajiet Libjani li ħa jkun hemm tim ta’ sigurtà anki b’żieda mal-AFM, biex jassistu f’li jkun hemm bżonn.”
Il-Kaptan li qed isuq il-lanċa, Mark Mercieca, qalilna li r-rotta mistennija tieħu ftit aktar minn ġurnata, u t-temp jidher li se jkun tajjeb.
Qal, “Operazzjoni bħal din, l-għan huwa li naslu b’wiċċ il-ġid, inniżżlu l-equipment u l-personnel tas-Civil Protection, jagħmlu xogħolhom u nirritornaw lura, again, b’wiċċ il-ġid.”
Iċ-Chief Assistance Rescue Officer tal-Protezzjoni Ċivili, Natalino Bezzina, spjegalna kif il-ħiliet li kisbu diġà l-uffiċjali mill-operazzjonijiet barra minn xtutna fit-Turkija u fil-Greċja, se jservu ta’ xprun biex, anke fil-Libja, jiġu salvati l-ħajjiet.
Qal, “L-eagerness tan-nies tagħna biex jaħdmu fuq din il-biċċa xogħol hi xi ħaġa fenomenali, hija xi ħaġa li ma tistax tiddeskriviha. Dawn nies li sejrin jissograw ħajjithom però l-output tagħhom u dak li ħa jdaħħlu għandhom se jkun ikbar.”
ONE News jawgura l-ħidma t-tajba lil dawn l-uffiċjali, li ftit sigħat, kienu lesti biex jitilqu għal numru ta’ ġranet f’servizz barra l-pajjiż, ’il bogħod mill-familji tagħhom, biex isalvaw il-ħajjiet.