Għall-ħabta tad-disgħa ta’ dalgħodu l-Parlament Ewropew se jitlaqqa’ fi Strasburgu għall-messaġġ tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von der Leyen, magħruf bħala l-Istat tal-Unjoni.
Id-diskors, li normalment jieħu madwar siegħa, se jkun l-aħħar wieħed fil-Presidenza ta’ Von der Leyen, sakemm ma terġax tingħata terminu ieħor is-sena d-dieħla.
Għaldaqstant hu mistenni li Von der Leyen tittratta partikolarment il-kisbiet tal-pajjiżi u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, taħt it-tmexxija tagħha, b’mod partikolari fejn jidħlu l-pandemija tal-COVID-19, li għaqqdet iżjed lill-istati membri, u aktar riċenti l-kisbiet fil-konfront tal-Gwerra fl-Ukrajna.
Fil-fatt, qiegħed ikun mistenni li d-diskors tagħha jinkludi fih diversi temi pertinenti, dwar il-Gwerra fl-Ukrajna, inkluż messaġġ b’saħħtu ta’ solidarjetà mal-poplu Ukren. Dawn it-temi mistennija jinkludu wkoll l-effetti fuq l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea, speċjalment il-kriżi fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels fil-kontinent.
Il-qalba diġitali u dik ambjentali wkoll mistennija jkunu msemmija mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, bħala temi sinonimi wkoll ma’ dak li qiegħed isir bħalissa fuq livell nazzjonali mill-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Il-migrazzjoni mistennija li tissemma fid-dawl li aktarx mhux se jintlaħaq ftehim dwar leġiżlazzjoni ġdida, però qiegħed ikun stmat li din tilħaq tgħaddi qabel tintemm il-leġiżlatura f’Ġunju tas-sena d-dieħla.
Fl-aħħarnett, id-dibattu mistenni wkoll li jittratta ż-żieda ta’ aktar stati membri fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari pajjiżi mill-Punent tal-Balkani u l-Ukrajna.