Ilbieraħ filgħaxija, 73 uffiċjal Malti ħallew pajjiżna biex jgħinu f’operazzjoni ta’ salvataġġ minħabba l-ħerba li ħalla l-maltemp fil-Libja.
Dan wara deċiżjoni li ttieħdet waqt laqgħa tal-Kabinett biex tim minn Malta jmur jassisti lill-awtoritajiet Libjani.
B’differenza minn drabi oħra, meta fit-Turkija u fil-Greċja telgħu membri tal-Protezzjoni Ċivili waħedhom, din id-darba se jkunu assistiti mill-Forzi Armati ta’ Malta wkoll.
F’kummenti lill-midja mill-Menqa fil-Marsa, fejn għaddejjin l-aħħar tħejjijiet qabel din l-operazzjoni, il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, spjega li b’kollox se jitilgħu 73 uffiċjal, inkluż tobba u infermieri, li abbord il-lanċa P61 tal-Forzi Armati ta’ Malta, se jmorru Benghazi fi vjaġġ li mistenni jieħu ftit aktar minn għoxrin siegħa.
Imbagħad isegwi vjaġġ ieħor għall-post fejn hemm l-għargħar.
“J’Alla nsalvaw kemm jista’ jkun ħajjiet”, qal il-Ministru Camilleri; li biswitu kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Clinton O’Neill.
Ara wkoll: