Il-Ministru għall-Affarjiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, stqarr li l-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra jibqa’ importanti biex niksbu għarfien u nifhmu aħjar kif id-dijaspora Maltija qed tħares lejn pajjiżna minn barra minn xtutna u biex inkomplu nwasslu l-viżjoni tal-politika barranija tagħna.
Dan qalu waqt laqgħa li l-Ministru kellu mar-rappreżentanti fil-15-il laqgħa annwali tal-Kunsill tal-Maltin ta’ Barra, li hu mwaqqaf b’liġi qed tittella’ bejn ilbieraħ u llum fil-Ministeru f’Palazzo Spinola, f’San Ġiljan.
Dan il-Kunsill hu magħmul minn 15-il membru, u jinkludi membri mill-Awstralja, l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Belġju, ir-Renju Unit, Franza, l-Eġittu u l-Emirati Għarab Magħquda.
Il-Ministru fakkar f’diversi inizjattivi u avvenimenti, fosthom il-ftuħ ta’ Kummissjoni Għolja ġdida f’Ottawa, il-Kanada, u l-organizzazzjoni tal-Forum Virtwali taż-Żgħażagħ għall-Maltin li jgħixu barra. Minbarra hekk semma pjani biex jiġi ppreżentat abbozz ta’ liġi rivedut li jistabbilixxi l-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra.
Il-Ministru Ian Borg qal li permezz tal-globalizzazzjoni, il-progress teknoloġiku u tħassib ambjentali, id-demografija u d-dinamika tal-mobilità Maltija qiegħda tinbidel b’mod drastiku. Dawn il-fatturi huma mistennija li jaffettwaw ukoll il-migrazzjoni u l-prijoritajiet fil-futur.
Għalhekk, pajjiżna għandu jibqa’ attiv biex nibqgħu naraw li nkomplu niksbu aktar riżultati sbieħ li jagħtu dehen lil isem pajjiżna.