Żagħżugħ ta’ 20 sena, residenti n-Nadur, Għawdex, ammetta l-akkużi miġjuba kontrih fil-Qorti u ġie kkundannat sena ħabs sospiża għal tliet snin, wara li ġie arrestat b’rabta ma’ ħruq ta’ żewġ muturi wara investigazzjonijiet intensivi. Fis-sentenza fil-konfront tiegħu ngħatat ukoll ordni ta’ trattament fil-konfront tiegħu.
L-akkużat, li ħaraq żewġ muturi volontarjament u li kawża t’hekk għamel ħsara fuq faċċata ta’ residenza privata, aktar kmieni llum tressaq taħt arrest fil-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana.
Il-każ seħħ fit-2 ta’ Settembru li għadda meta għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar, il-Pulizija u l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ntalbu jassistu fi Triq Piju Cellini, fin-Nadur, fejn instabu żewġ muturi jinħarqu waqt li kienu pparkjati quddiem residenza.
Filwaqt, li kienet ġiet informata l-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech li ħatret inkjesta, il-Pulizija bdew bl-investigazzjonijiet li wasslu għall-arrest taż-żagħżugħ.