Ġie inawgurat proġett artistiku ġdid bl-isem ta’ Metamorfożi, fiż-żona ta’ San Pawl tal-Pitkali ġewwa Ħad-Dingli.
Il-proġett, li huwa xogħol l-artist Chris Ebejer, ġie inawgurat mill- Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u mis-Sindku tal-lokalità Raymond Schembri.
Fost dawk li attendew għal din l-inawgurazzjoni kien hemm grupp ta’ persuni b’diżabilità minn Aġenzija Sapport; li kienu involuti f’ dan il-proġett.
Il-proġett se jkun jifforma parti minn Heritage Trail tal-istess lokalità u jkopri skultura interattiva li fiha jevolvu l-kunċetti tal-ħajja, tal-libertà u tal-ġmiel naturali.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ddeskriviet dan il-proġett bħala wieħed ta’ relevanza b’saħħitha hekk kif huwa messaġġ li għandu jistimula l-ħsieb li persuni b’diżabilità għandhom ikunu kkunsidrati bħal u daqs ħaddieħor.
Is-Sindku ta’ Ħad-Dingli, Raymond Schembri tenna li dan il-proġett huwa xhieda tal-ħidma tal-Kunsill Lokali biex din il-lokalità tkun tassew inklużiva.
Min-naħa tiegħu, l-artist tal-proġett Chris Ebejer ta spjegazzjoni tal-iskultura li turi trasformazzjoni ta’ farfett, minn dudu għal farfett. Simbolu tal-ħajja, ta’ ferħ, ta’ libertà.