Serb ta’ 38 sena qiegħed jinżamm mill-Pulizija b’rabta ma’ allegata aggressjoni li seħħet aktar kmieni dalgħodu fil-Qawra, għall-ħabta tas-sitta u nofs f’residenza fi Triq Andrew Cunningham.
Minn investigazzjoni preliminari rriżulta li ftit qabel seħħ argument bejn żewġt irġiel, Serb ta’ 38 sena u Malti ta’ 31 sena, u Ingliża ta’ 31 sena.
Waqt l-argument, is-Serb allegatament hedded liż-żewġ persuni l-oħrajn b’sikkina.
Waqt li r-raġel ta’ 31 sena sofra xi grieħi bis-sikkina u ħarab mir-residenza, il-mara pprovat taħrab mill-gallarija fejn waqgħet madwar sular għoli.
Iż-żewġ persuni ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura meħtieġa.
Aktar tard il-mara ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi, filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura ħafifa.
Mill-istess residenza, il-Pulizija arrestat lis-Serb ta’ 38 sena, fejn qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.