Ġiet installata magna ġdida għall-klassifikazzjoni tal-majjal lokali f’investiment ieħor li qed isir fil-Biċċerija Pubblika.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, fejn spjega kif din il-magna tuża l-Intelliġenza Artifiċjali biex b’mod awtomatiku jiġu ddeterminati l-grad u l-valur fis-suq tal-karkassa tal-majjal.
Dan il-proċess hu aktar iġeniku hekk kif ma jsir l-ebda kuntatt bejn il-laħam u l-apparat.
Il-Ministru Refalo kompla jispjega li l-magna se tislet ukoll il-kejl u l-valur tas-suq tal-qatgħat kollha tal-karkassa tal-majjal, jiġifieri l-perżut, l-ispalla, iż-żaqq u l-kustilji, waqt li se tindika wkoll kif għandha tiġi pproċessata kull karkassa.
Dan se jwassal biex l-għażla tal-karkassi tal-majjal issir fuq bażi ta’ kwalità u għalhekk tippermetti lir-raħħala biex ibigħu l-laħam tagħhom skont il-kwalità.
“Ir-riċerka u l-Innovazzjoni kif ukoll l-aspetti diġitali huma mportanti ħafna fis-settur tal-agrikultura, biedja u sajd. Hawnhekk għall-ewwel darba fil-biċċerja fil-marsa qedd nintroduċu magna li hi stess tagħmel il-klassifikazzjoni tal-majjal. B’hekk aħna qegħdin nagħtu value for money lil konsumatur Malti u Għawdxi.”
Il-Ministru Anton Refalo
Sadanitant, id-Direttur tal-Biċċerija, Stefan Cachia, qal li permezz ta’ din il-magna, il-Biċċerija qed tkompli ttejjeb l-operat tagħha u tgħolli l-kwalità tal-prodott tal-laħam lokali.