Waqt l-intervista qalb in-nies f’Marsaxlokk, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela kien mistoqsi dwar allegat każijiet ta’ abbuż minn benefiċċji soċjali.
Fil-fatt, il-Prim Ministru kien ċar fit-tweġibiet tiegħu mill-ġurnalist hekk kif irrimarka li dwar din il-kwistjoni l-Uffiċċju tal-Prim Ministru flimkien mad-Dipartiment konċernat, aġixxew mill-ewwel u mingħajr dewmien.
Qal, “Meta sentejn ilu, l-uffiċċju tiegħi ġie għal quddiemu li kien hemm każ wieħed, li kien qanqal ċertu suspett, waqt li kien qed jiġi pproċessat minn bord mediku, li mbagħad japprova jew il-benefiċċju soċjali. L-ewwel ħaġa li għamlet is-Segretarja Permanenti mill-People and Standards Division, fl-uffiċċju tiegħi, kienet li marret mal-ewwel dirett għand il-Kummissarju tal-Pulizija, irrappurtatlu dak li rriżulta u talbitu biex jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu.”
B’rabta ma’ dan il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar ir-reazzjoni tal-eks Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi.
Dr Abela sostna li Gonzi huwa persuna li taħt it-tmexxija tiegħu l-pajjiż mexa lura flok ’il quddiem.
Il-Mexxej Laburista rrimarka dan bil-fatti.
Qal, “L-ewwelnett, Lawrence Gonzi huwa karatteristiku ta’ tmexxija ta’ dan il-pajjiż, fejn għal disa’ snin sħaħ, il-pajjiż flok mexa ’l quddiem, mexxih lura. Kien il-bniedem li singolarment mexxa lil dan il-pajjiż għal rata ta’ qgħad rekord, 8,000 Malti u Għawdxi jfittxu x-xogħol ġewwa pajjiżna. Ara d-dinjità tal-ħaddiem Malti kif kien kissirha, pajjiż li ekonomikament, flok mexxih ’il quddiem, tefgħu lura.”
B’rabta mal-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll l-aġir tiegħu b’rabta mal-Europride. Dan hekk kif l-Oppożizzjoni baqgħet anki assenti f’ċerimonja daqstant importanti li mmarkat il-ftuħ uffiċjali ta’ EuroPride. Qal li din hija xi ħaġa rappreżentattiva ta’ Partit Nazzjonalista li dejjem qal le għad-drittijiet ċivili.
Min naħa l-oħra, Dr Abela nnota l-kisbiet ta’ pajjiżna mnebbħa minn ħidma konsistenti tal-Partit Laburista sa minn żmien il-Perit Dom Mintoff.
Madankollu sostna li bħala pajjiż dejjem fadal x’niksbu billi nwarrbu l-preġudizzji u ngħixu f’imħabba u rispett.
Qal, “U kemm huwa ta’ pjaċir għalija li mmur il-festa tal-Birgu, niltaqa’ ma’ ġenitur u jgħidli bis-saħħa tar-riforma li għamiltu intom, jien stajt ningħaqad fi żwieġ mas-sieħeb tiegħi, imma aktar minn hekk kellu tarbija f’idejh u dik it-tarbija, ir-riforma tatha futur, tatha familja.”