Ċentru għas-saħħa ġdid f’Raħal Ġdid mhux biss se jkollu dak kollu li wieħed jistenna li jirċievi fil-polikliniċi iżda se jintroduċi il-kunċett ta’ ċentru għall-prevenzjoni fejn iċ-ċittadin se jingħata gwida individwali għall-għixin aħjar.
Qal dan il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fejn fis-sit tal-hekk imsejħa Poala Hub, magħrufa bħala l-inħawi ta’ Schrieber. Hawnhekk il-Ministru ta spjegazzjoni dettaljata ta’ kif se jkun imqassam iċ-ċentru l-ġdid li hu ddeskriva bħala sptar żgħir.
Il-Paola Hub se jkun kbir 20,000 metru kwadru u se jkollu ħames sulari. Hawnhekk wieħed se jsib klinika dentali, dipartiment fotografiku għal X Rays u ultrasounds, u anke swali għall-operazzjonijiet. Dan apparti li se jkun hemm servizz ta’ ambulanza, ċentru għall-kura mentali u d-dimensja, u parkeġġ bi spazji għal mitjen u ħamsin karozza.
Madanakollu l-Ministru Fearne qabel li l-kunċett ġdid taċ-ċentru għall-prevenzjoni se jkun il-protagonist tal-Paola hub.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li l-proġett kollu se jiswa €39 miljun, li €33 miljun minnhom ġejjin minn fondi Ewropej.
Il-kostruzzjoni fuq Paola Hub mistennija tibda fl-ewwel xhur tal-elfejn u tmintax, biex sal-elfejn wieħed u għoxrin ikun lest.