Il-kumpanija nazzjonali taż-żfin, ŻfinMalta ħabbret serje ta’ klassijiet taż-żfin li se jikkonsistu minn taħlita ta’ żfin ballet kif ukoll dak kontemporanju matul is-sena 2023 u 2024.
Dawn il-klassijiet, bl-isem ta’ ‘Iżfen ma’ ŻfinMalta’, huma miftuħa għal kulħadd u se jibdew isiru fl-istudios ta’ ŻfinMalta fil-Belt Valletta.
Kull nhar ta’ Tnejn, Martina Zammit u Emma-Louise Walker se jkunu qegħdin imexxu l-klassijiet tal-ballet, waqt li għalliema differenti se jkunu qegħdin imexxu l-klassijiet kontemporanji nhar ta’ Tlieta. Il-ħinijiet se jkunu bejn is-7.00 u t-8.30 ta’ filgħaxija.
Dawn il-klassijiet huma ideali għal xi ħadd li jixtieq jiskopri ż-żfin fuq bażi aktar rekreazzjonali kif ukoll għal xi ħadd li jixtieq jibni ħbiberiji ġodda.
Martina Zammit, waħda mill-għalliema ta’ ŻfinMalta qalet, “nara dawn il-klassijiet bħala introduzzjoni jew introduzzjoni mill-ġdid tat-teknika tal-ballet u l-kultura li ddur magħha. Meta mmexxi klassijiet inħobb nuża ħafna xbihat u nagħti kuntest kemm nista’ mill-esperjenza personali tiegħi stess.”
Wieħed jista’ jikseb il-biljetti minn Showshappening.com u għal dawk li huma nteressati li jibdew jipprattikaw kemm iż-żfin Ballet kif ukoll dak kontemporanju, pakketti ta’ kull xahar huma wkoll disponibbli.