Bieqja kbira li kienet ġiet skavata fil-Kumpless Preistoriku ta’ Ħal Tarxien minn Temi Zammit ġiet restawrata u mqiegħda lura
fil-post oriġinali fejn kienet instabet aktar minn seklu ilu, grazzi għal sforz kollettiv minn kuraturi ta’ Heritage Malta u t-timijiet tal-konservazzjoni u tad-diġitizzazzjoni tal-aġenzija.
Kien f’Awwissu 1915, waqt li kien qed jiġi skavat il-Kumpless Preistoriku ta’ Ħal Tarxien taħt id-direzzjoni ta’ Zammit, li nstabu l-fdalijiet ta’ bieqja kbira tal-ġebel ħdejn waħda mid-daħliet fl-istruttura li kienet qed tinkixef. Il-bieqja kienet imkissra u kellha wkoll xi partijiet żgħar neqsin. Madankollu kienet impressjonanti, mhux biss minħabba d-daqs tagħha iżda wkoll għall-fatt li minflok mit-tafal, kienet magħmula mill-ġebel.
Il-biċċiet inġabru u l-bieqja reġgħet ingħaqdet, u ritratti meħudin fl-1916 juruha f’post qrib fejn kienet instabet.
Zammit ma ħalliex dettalji dwar għala l-bieqja tpoġġiet f’dan il-post, iżda r-raġuni aktarx kienet il-biża’ li ladarba tkun restawrata, il-bieqja setgħet ma toqgħodx sew fejn kienet instabet oriġinalment.
Aktarx li kien ġie deċiż li jkun hemm inqas periklu għall-bieqja jekk tiġi restawrata f’post li jipprovdi aċċess għaliha mad-dawra kollha tagħha u li fih hemm spazju biżżejjed biex jakkomodaha ladarba l-biċċiet jingħaqdu flimkien.
Fl-1917, il-partijiet neqsin tal-bieqja ġew riprodotti u twaħħlu mal-partijiet oriġinali biex il-bieqja tidher sħiħa.
Matul is-snin, il-bieqja sofriet ħsarat li ssewwew minn żmien għal żmien.
Ir-riżultat aħħari kien saffi ta’ materjal modern, bħal kolla u siment, li weħel mal-bieqja, minbarra l-fatt li l-forma oriġinali tal-bieqja pjuttost intilfet.
Fil-bidu tal-2023, kuraturi tas-sit nedew proġett għar-restawr tal-bieqja minħabba l-istat li kienet fih.
Il-proġett qanqal ukoll il-kwistjoni ta’ jekk il-bieqja setgħetx tmur lura fil-post oriġinali fejn kienet instabet fl-1915.
Biex jitwettaq il-proġett, intalbet l-għajnuna tad-Dipartiment tal-Konservazzjoni u tat-Taqsima tad-Diġitizzazzjoni ta’ Heritage Malta.
Minbarra li għamlu dokumentazzjoni bir-reqqa, il-membri tad-Dipartiment tal-Konservazzjoni żarmaw il-bieqja biċċa biċċa,
naddfu dawn il-biċċiet, u fl-aħħar għaqqdu l-bieqja mill-ġdid.
Iddokumentaw ukoll il-metodoloġija ta’ interventi li kienu saru fl-imgħoddi u li ma kinux ġew dokumentati.
Kampjuni mit-taħlita tas-siment li kien hemm mat-truf tal-partijiet żarmati qed jiġu analizzati mix-xjentisti ta’ Heritage Malta biex jippruvaw jistabbilixxu jekk it-taħlitiet tas-siment humiex differenti minn xulxin u b’hekk jistabbilixxu wkoll jekk sarux f’daqqa jew f’perjodi ta’ żmien differenti.
It-tim tad-diġitizzazzjoni ngħata l-inkarigu li jiskennja bil-laser il-post fejn kienet il-bieqja u jiddetermina jekk il-bieqja setgħetx tmur lura fil-lok oriġinali tagħha.
It-tim ipprovda wkoll riżorsi li l-konservaturi sabuhom utli ħafna waqt li kienu qed iżarmaw ilbieqja.
Wara li l-bieqja ġiet żarmata, it-tim tad-diġitizzazzjoni skennja b’mod metikoluż bil-laser il-partijiet kollha – xi 55 b’kollox – u abbina kull parti ma’ numru għall-fini ta’ referenza.
Dawn il-partijiet diġitizzati ffaċilitaw b’mod virtwali t-tgħaqqid mill-ġdid tal-bieqja.
Wara dan it-tgħaqqid diġitali, ġie stabbilit li l-artefatt seta’ fil-fatt jittieħed lura fil-post oriġinali.
Wieħed mill-akbar vantaġġi
ta’ din it-teknika kien li l-proċess delikat tar-rikostruzzjoni seta’ jsir virtwalment, mingħajr ma wieħed jesperimenta bil-biċċiet oriġinali tal-artefatt.
Il-kopja diġitali tal-bieqja qabel ir-restawr u wara li tgħaqqdet tipprovdi referenzi dettaljati ta’
dokumentazzjoni li ma kinux possibbli kieku ntużat fotografija 2D tradizzjonali.
Dan hu proċess metikoluż li jieħu ħafna ħin iżda li jiggarantixxi l-aqwa preċiżjoni possibbli. Din kienet l-ewwel darba li teknika bħal din intużat minn Heritage Malta.
B’din l-għajnuna mit-tim tad-diġitizzazzjoni, il-konservaturi setgħu jwasslu l-proġett għall-qofol tiegħu. Il-proġett ħa sitt xhur biex jitlesta, inkluż il-konservazzjoni u r-restawr tal-post fejn il-bieqja ġiet mgħaqqda mill-ġdid.
Il-biċċa xogħol kbira li twettqet, grazzi għall-kollaborazzjoni bejn il-kuraturi, il-konservaturi u t-tim tad-diġitizzazzjoni, wasslet biex il-bieqja tmur lura f’postha wara li qattgħet aktar minn mitt sena xi mkien ieħor.