Id-Djoċesi t’Għawdex għadha kemm ħabbret tibdil fit-tmexxija ta’ waħda mill-akbar parroċċi ta’ Għawdex, dik tax-Xagħra.
Wara 18-il sena bħala ragħaj tal-parroċċa tat-Twelid ta’ Marija Bambina, Monsinjur Carmelo Refalo se jkun qed itemm il-missjoni tiegħu u minfloku se jinħatar Dun Richard Farrugia. Jassistih bħala Viċi Arċipriet se jkun hemm il-Kanoniku Michael Galea, li huwa wkoll Rettur tal-Knisja ta’ Sant’Anton Abbati (fix-Xagħra stess) u d-Direttur tal-Fondazzjoni Arka, id-dar għall-persuni b’diżabilità.
Sal-ġurnata tal-lum Dun Richard Farrugia kien jokkupa l-kariga ta’ Rettur tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesu f’Għawdex. Minfloku se jkun hemm issa Dun Joseph Bajada, li kien ir-Rettur tal-Knisja ta’ Ġesu Nazzarenu fix-Xagħra. l-Isqof Teuma ħatar lil Dun Charles Michael Sultana, is-surmast tas-Seminarju Minuri, biex jieħu f’idejh dan l-irwol.
Issa, Mons. Carmelo Refalo se jassimu l-irwol ta’ kollaboratur fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb u Kanonku Kuġitur tal-Kapitlu Katidrali, il-Belt Victoria.
L-Għasri wkoll ra bidla fit-tmexxija, hekk kif il-Kan. Edward Vella se jieħu l-irwol ta’ Amministratur Parrokkjali tal-Parroċċa ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur.
L-Isqof Teuma, anke fid-dawl ta’ allegazzjonijiet riċenti ta’ każijiet ta’ abbuż minn membri fi ħdan id-Djoċesi Għawdxija, ħatar bord ġdid tal-Kummissjoni Safeguardging, bit-tmexxija se tkun f’idejn Loraine Borg.
Din il-bidla qed titqies bħala waħda minn dawk l-ewlenin li għamel Monsinjur Anton Teuma, fi tliet snin mindu nħatar -Isqof tad-Djoċesi Għawdxija.
Intant xi membri mid-Djoċesi Għawdxija qalulna kif it-tmexxija ta’ din id-Djoċesi marret kontra l-prassi li kien beda l-Kardinal Mario Grech meta kien Isqof ta’ Għawdex, hekk kif l-ebda Kappillan jew Arċipriet ma seta’ jkun imexxi l-parroċċi li twieled jew trabba fiha.
Fi stqarrija fuq il-midja soċjali, id-Djoċesi Għawdxija qalet li:
Dawn il-ministeri ġodda fid-Djoċesi ta’ Għawdex jidħlu fis-seħħ nhar il-Ħamis 𝟭𝟰 𝘁𝗮’ 𝗦𝗲𝘁𝘁𝗲𝗺𝗯𝗿𝘂 𝟮𝟬𝟮𝟯, Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes. Huwa fid-dawl tal-imħabba, murija fil-misteru tas-Salib ta’ Kristu li kull ministeru jew servizz fi ħdan il-Knisja għandu jsib iċ-ċentru u l-milja tiegħu, waqt li jingħax bħala għotja u qadi għall-oħrajn.
Il-Knisja f’Għawdex tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha – saċerdoti u lajċi – li taw is-servizz tagħhom b’dedikazzjoni u impenn fil-ħidma li kienu qed ikopru sa dawn l-aħħar ġimgħat. Fuq kollox tirringrazzja lill-Missier għall-ġid kollu li sar permezz tagħhom u li minnu seta’ jgawdi l-Poplu ta’ Alla fdat f’idejhom.
Il-komunitajiet kollha huma mħeġġa sabiex matul dawn il-ġimgħat isir mument ta’ talb kemm fil-parroċċi u kemm fil-familji għal dawn ħutna, ħalli filwaqt li nsostnuhom u ngħinuhom bit-talb u l-għajnuna tagħna, il-Mulej Ġesù – li beda din l-opra tajba fihom – iwassalha sat-tmiem skont ix-xewqa tiegħu.