Eluf attendew bi ħġarhom ghall-pellegrinaġġ tal-Madonna tal-Grazzja, waħda mill-festi li timmarka l-għeluq tal-festi fl-istaġun tas-sajf.
Minkejja r-riskju ta’ maltemp li Settembru jġib miegħu, għall-festa tal-Madonna tal-Grazzja, it-temp mhux talli ppermetta iżda fakkarna fit-temp tipiku sajfi, ftit tal-ġimgħat qabel jintemm l-istaġun tas-sajf.
Ir-rotta tal-muturi bdiet mill-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija tal-Mosta u għaddiet minn numru ta’ lokalitajiet fosthom Birkirkara, San Ġiljan, il-Ħamrun, Ħaż-Żebbuġ u intemmet f’Ħaż Żabbar.
Mill-banda l-oħra, ir-rotta tar-roti bdiet mir-Rabat u baqgħet għadejja minn Ħ’Attard, Birkirkara, Ħamrun, Raħal Ġdid u finalment intemmet f’Ħaż Żabbar.
Mal-wasla tal-muturi u roti quddiem il-knisja ta’ Ħaż Żabbar, l-Arċipriet tar-raħal Dun Roderick Camilleri rringrazzja lil dawk kollha li attendew għall-festa tal-Madonna tal-Grazzja u skont it-tradizzjoni ġiet imbierka l-folla preżenti wara talba ta’ ringrazzjament lill-Madonna tal-Grazzja, li hija wkoll il-protettriċi tas-sewwieqa tal-muturi.
Dun Roderick Camilleri qalilna xi tfisser din il-festa għaż-Żabbarin u għala sar appuntament kull sena għall-poplu Malti.
“Dan il-pellegrinaġġ isir kull sena fil-lokalità tagħna, pellrgrinaġġ tal-muturi u tar-roti fejn kull min ħa sehem dalgħodu għamel għażla li għażel lil Maria u għażilna lil Maria u mxejna wara l-ixbiha tagħha biex aħna inħallu lil Maria twassalna għal binha Ġesu.”
ONE News tkellem ma’ wħud miċ-ċiklisti u sewwieqa tal-muturi, li bi tbissima fuq fommhom rnexxielhom jagħmlu din l-isfida li dawwrithom madwar diversi lokalitajiet f’Malta.