Sa issa aktar minn elfejn persuna nstabu mejta taħt it-tifrik wara t-terremot qawwi li laqat lill-pajjiż għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħaxija tal-Ġimgħa.
Il-Ministeru għall-Intern qal li iktar minn elf u erba’ mitt persuna jinsabu f’kundizzjoni serja u l-iktar żona fejn fiha nstabu nies mejta u midruba hija fin-Nofsinhar ta’ Marrakech.
Ir-Re tal-Marokk Mohammed VI ddikjara tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali għal din id-diżgrazzja.
Ħafna nies spiċċaw bla saqaf fuq rashom u għalhekk spiċċaw iqattgħu l-lejl tagħhom fit-triq.
Minkejja li t-terremot ta’ qawwa ta’ 7.2 fuq l-Iskala Richter affettwa l-aktar il-villaġġi fir-reġjun muntanjuż Atlas u l-belt storika ta’ Marrakech, t-theżżiża nħasset ukoll fil-kapitali Rabat, 350km ‘l bogħod, kif ukoll f’Casablanca, Agadir u Essaouira.
Ir-Re ordna lill-forzi armati sabiex jassistu wkoll fil-ħidma ta’ salvataġġ u għamel appell għal kull min jista’ jagħti d-demm, biex ikunu jistgħu jgħinu lil dawk midruba.
L-akbar terremot li qatt għamel fl-istorja tal-Marokk kien dak tal-1960 meta l-belt ta’ Agadir intlaqtet minn terremot ta’ qawwa 6.7 fuq l-iskala Richter u qatel aktar minn 12,000 persuna.
Il-Ġnus Maqgħuda kkonfermat l-għajnuna tagħha lill-Marokk fl-sforzi ta’ salvataġġ. Kien hemm diversi pajjiżi oħra li qalu li lesti li jgħinu fosthom Spanja, Franza u l-Iżrael.