SkillScape, konferenza li ġiet organizzata mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi bil-għan li titfa’ dawl fuq is-sinifikat ewlieni tal-ħiliet transversali. Dawn huma ħiliet, magħrufa għat-trasferibbiltà tagħhom fl-industriji varji u ġew ipprovati li huma l-qofol tal-preżent u l-futur fid-dinja tax-xogħol.
Il-konferenza enfasizzat kif l-investiment kontinwu fl-iżvilupp ta’ ħiliet transversali hu kruċjali biex jiġi żgurat li l-individwi jkunu mgħammrin b’ħiliet versatili, bħar-reżiljenza, l-addattabilità, il-ħsieb kritiku u l-kreattività, ikampaw aħjar fil-futur tax-xogħol li dejjem qed jinbidel.
SkillScape, li ttellgħet fis-Sena Ewropea tal-Ħiliet, ġibdet l-attenzjoni ta’ bosta speċjalment minn akkademiċi, esperti tal-industrija, edukaturi u politiċi. Iż-żgħażagħ u l-ħaddiema maż-żgħażagħ ingħataw ukoll l-ispazju biex jesprimu l-opinjoni tagħhom meta wieħed iqis li dan is-suġġett jaffettwahom b’mod sinifikanti.
Fil-ftuħ tal-Konferenza, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li din il-konferenza qed issir fi żmien li qed infasslu dik li se tkun il-pedament tal-edukazzjoni għall-ġejjieni: L-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni.
L-istrateġija se tara li s-sistema edukattiva tibqa’ timraħ u tiżboq kull mira fejn jidħlu aspetti ta’ ħiliet bażiċi u dawk transversali biex tipprovdi l-għodod meħtieġa lill-istudenti u tagħtihom is-setgħa li jkomplu jitgħallmu, ikunu ċittadini attivi u jiksbu l-ħolm u x-xewqat tagħhom.
“Permezz ta’ dan il-kunsill qegħdin naħdmu mad-diversi stakeholders biex tibqa’ tikber l-importanza li l-popolazzjoni Maltija b’mod ġenerali jkollha dawk il-ħiliet li huma neċessarji ħalli jkunu jistgħu jaddattaw lilhom infushom f’dinja li qiegħda tinbidel b’mod kontinwu u allura s-suq tax-xogħol mhuwiex eċċezzjoni għal din il-bidla kontinwa u bħala pajjiż irridu nkunu ppreparati anke għal dak li joffri l-futur.”