Jekk hemm regola li jħaddan il-Prim Ministru hi dik tas-serjetà.
Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija bi tweġiba għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f’intervent telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju tiegħu, is-Sibt filgħodu.
Fl-istqarrija ntqal li meta kien hemm xamma ta’ allegat każ ta’ abbuż kien irrapportat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru stess. U kien għalhekk li ttieħdu wkoll deċiżjonijiet politiċi immedjati.
Differenti ħafna mill-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu li baqa’ ċass kull meta madwaru kellu allegazzjonijiet mill-iktar serji.
Il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għadu jfittex l-iskużi għaliex tilef l-elezzjoni ġenerali bl-ikbar distakk fl-istorja.
“Fl-aħħar xhur tgħidx kemm-il skuża vvinta u sa ftit ilu kien qed jgħid li tilef għax ivvotaw il-mejtin”, temm jgħid il-Partit Laburista.