Il-Mmebru Malti Alex Agius Saliba ospita u mexxa l-attività organizzata minn FACE (Federazzjoni Ewropea għall-Kaċċa u l-Konservazzjoni), flimkien mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) dwar “Il-kontribut tal-kaċċaturi u n-nassaba fir-rwol ta’ “Citizen Scientists” għar-riċerka fl-Ewropa”.
L-avveniment iddiskuta r-rilevanza kulturali u l-wirt tal-insib tal-għasafar f’Malta, li hija attività li sseħħ fuq skala żgħira, bil-qbid ħaj (mingħajr qtil) ta’ speċi ta’ għasafar tal-għana li jgawdu stat ta’ konservazzjoni tajba fis-selvaġġ, liema nsib ma jħalli l-ebda impatt fuq il-popolazzjonijiet rispettivi. Dan l-avveniment enfasizza l-kontribut tal-kaċċaturi u n-nassaba għall-għarfien xjentifiku permezz tal-prattiċi tax-xjenza fil-komunità, kif ukoll il-kontribut li jista’ jagħti l-insib f’Malta.
Il-President tal-FKNK, is-Sur Lucas Micallef li mexxa d-delegazzjoni ta’ tliet uffiċjali mill-Kunsill tal-FKNK fi Brussell wera l-effettività tal-metodu tan-nassaba biex jaqbdu l-għasafar tal-għana ħajjin meta mqabbel mal-metodu tal-bird-ringers, u kkonkluda l-indirizz tiegħu billi stqarr li: “Fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju tal-FKNK se nkomplu naħdmu lejn is-salvagwardja u ż-żamma tal-passjonijiet soċjokulturali tradizzjonali tagħna tal-kaċċa u l-insib fil-Gżejjer Maltin, anke permezz ta’ parteċipazzjoni attiva fl-Istudji tax-xjenza taċ-ċittadini”.
Dr. Matt Ellis, Deputat Direttur tal-Assoċjazzjoni Brittanika għall-Isparar u l-Konservazzjoni (BASC), ippreżenta “Project Penelope“, proġett kollaborattiv internazzjonali bejn il-kaċċaturi u x-xjenzati bil-għan li jtejjeb l-għarfien dwar il-Eurasian Wigeon, speċi kaċċabli importanti fl-Ewropa.
Is-Sur Cy Griffin, Senior Conservation Manager f’FACE, stqarr li: “L-ispeċi tal-kaċċa huma studjati sew mix-xjenzati, kemm kaċċaturi kif ukoll mhux kaċċaturi. In-nassaba Maltin huma ta’ ħila kbira u lesti jikkontribwixxu aktar għarfien dwar l-għasafar migratorji. Il-preżentazzjoni llum uriet riżultati promettenti, u nittama li dan jista’ jkompli.”
Għal din l-attività attendew wkoll MEPs oħra u Membri Parlamentari Maltin.
L-FKNK tixtieq tirringrazzja minn qalbha lill-MEP Alex Agius Saliba għall-inizjattiva tiegħu ta’ dan l-avveniment lejn is-salvagwardja tal-passjonijiet soċjokulturali tradizzjonali tal-kaċċaturi u n-nassaba Maltin fil-Gżejjer Maltin.