L-Awtorità tad-Djar, it-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-aġenzija Identity Malta qed jaħdmu flimkien biex iwettqu spezzjonijiet madwar Malta li fihom ikun hemm suspett ta’ iffollar żejjed f’residenzi differenti.
ONE News informat li l-enitajiet qed iwettqu l-ispezzjonijiet fuq informazzjoni mill-Awtorità tad-Djar fejn ikun indikat suspett ta’ ffollar żejjed f’residenzi partikolari.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, qal li f’dawn l-ispezzjonijiet l-entitajiet għandhom kompetenzi differenti li jiċċekjaw li kollox qed isir skont il-liġijiet, biex jintlaħqu l-għanijiet kollha ta’ kull entità.
“Riċentament sibna sitwazzjonijiet fejn f’appartament wieħed issib 40 ruħ. Din hi kwistjoni ta’ responsabbiltà li trid tiġi minn kulħadd u hemmhekk irridu ntejbu u ngħollu l-livell. Hawn nappella lis-sidien biex dawn is-sitwazzjonijiet ma jibqgħux għaddejjin.”
Zerafa kompla li dan qed isir, għax hu mistenni mill-awtoritajiet li jogħla l-livell tas-suq tal-kera kif ukoll dak ta’ kif jintużaw il-postijiet tagħna.
“Inti qed tinvesti fi proprjetà, li qed tgħix fiha, imbagħad l-appartament ta’ fuqek qed jinkera lil numru esaġerat ta’ nies. Allura l-għan aħħari jkollna proprjetajiet li aktar qed jintużaw b’mod sostenibbli, imbgħad għandek kwalità ta’ ħajja aħjar għal min qed jgħix f’dik il-blokka u għal minn qiegħed jgħix f’dawk il-komunitajiet.”
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, ukoll sostna li mhuwiex aċċettabbli li numru kbir ta’ persuni jgħixu fl-istess appartament.
“Permezz ta’ spezzjonijiet li qed isiru, kemm min-naħa tal-Pulizija, kemm mill-Housing Authority u anke enitajiet oħrajn biex jiġi żgurat li fejn jkun hemm rapporti ta’ overcrowding fejn taqa’ r-responsabilità ta’ sid tal-proprjetà li ma jħallix dan l-affarijiet, fejn hemmhekk jittieħdu l-passi neċessarji. Imma, aktar minn hekk, ħa nkunu qegħdin nsaħħu l-aspett legali biex ma nħallux l-abbużi ta’ proprjetajiet isiru f’pajjiżna.”