Malta ospitat il-laqgħa tal-Konferenza Ewropea dwar l-Avjazzjoni Ċivili ta’ din is-sena, li għaliha attendew id-Diretturi Ġenerali kollha għall-avjazzjoni mill-44 nazzjon Ewropew, delegati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili u l-ECAC, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni, Euro-control u kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea.
Dawn flimkien jiddiskutu l-aspetti kollha tal-avjazzjoni u jifformulaw politika li mbagħad tiġi applikata madwar id-dinja. Dan jippermetti li l-ajruplani u l-operaturi minn prattikament kull pajjiż fid-dinja joperaw bl-istess standards jew standards simili.
Dwar dan tkellimna mas-Segretarju Ġenerali tal-ICAO Juan Carlos Salazar.
“We expect more and more communication and participation from Maltese experts and to share your best practices and experiences for the benefit of Civil Aviation worldwide.”
Intant, id-Direttur Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili ta’ Transport Malta, l-Kaptan Charles Pace, qal li huwa ta’ unur li jospita lill-kollegi sħabu Ewropej.
“Kien ta’ unur għalina li dalgħodu ftaħna l-konferenza tal-ECAC tad-directory tas-Civil Aviation fil-preżenza tas-segretarju ġenerali tal-ICAO, l-ogħla istituzzjoni tal-avjazzjoni. Hawn madwar 40 pajjiż li qegħdin jieħdu sehem u jiddiskutu ħafna affarjiet varji. Il-konferenza ddum tlett ijiem u żgur ħaddieħor jinsab kuntent li qiegħed Malta jipparteċipa fil-konferenza.”
Il-Ministru Aaron Farrugia, waqt li kien qed jindirizza lill-parteċipanti, tenna kif l-għan prinċipali tal-konferenza, ‘No nation left behind’ għandu jkun sentiment fundamentali f’kull aspett tas-settur.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru rrimarka wkoll li minħabba l-istorja ta’ pajjiżna fl-avjazzjoni, li tmur lura għall-1915, flimkien mal-bidla sinifikanti mill-militar għal dik kummerċjali fis-snin 70, illum għandna ħafna attività fl-avjazzjoni, xhieda oħra ta’ pedament ekonomiku b’saħħtu f’dan is-settur.
“Indirizzajt din il-konferenza internazzjonali ġewwa Malta bħalissa tal-ICAO li hija entità responsabbli mill-avjazzjoni. Iddiskutejt magħhom l-importanza tal-avjazzjoni għal pajjiżna imma wkoll dak li qegħdin nagħmlu bħalissa u fiż-żmien li ġej. Jiġifieri mhux biss il-kummerċ u l-importanza ta’ pilastru ekonomiku bħal ma huwa l-avjazzjoni hawn Malta imma wkoll il-miri li għandna quddiemna fosthom tas-sigurtà imma wkoll l-emmissjonijiet allura nħarsu ’l quddiem biex b’mod globali nimbuttaw dawn il-miri u Malta ħa tkun fuq quddiem nett tagħhom.”
Il-Ministru kompla jgħid li din l-industrija tixpruna t-tkabbir soċjoekonomiku tagħna, li toħloq l-impjiegi, li ssaħħaħ it-turiżmu, u li taġixxi bħala mezz għall-investimenti u l-kummerċ barrani.
L-avjazzjoni, bil-kontribut annwali tagħha ta’ €600 miljun għall-ekonomija tagħna u t-trasport ta’ miljuni ta’ passiġġieri, hija pilastru fundamentali għall-prosperità ta’ pajjiżna.