Wara li f’Mejju li għadda kien ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar fimkien mal-Università ta’ Malta bil-għan li dan iwassal għal aktar liġijiet stretti li jirregolaw is-settur tal-kostruzzjoni f’Malta, ġie ppreżentat l-ewwel rapport ta’ riċerka mill-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta sabiex isir kompendju tal-liġijiet li jolqtu l-kostruzzjoni f’pajjiżna.
Il-Lettur fid-Dritt Ċivili Dr Kurt Scerri ikkordina din ir-riċerka fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi.
Dr Scerri innota li filwaqt li skond l-ewwel regolamentazzjoni, dik tal-Kodiċi Ċivili, il-ħarsien tar-regoli dwar il-kostruzzjoni kienet materja li kellha tiġi riżolta bejn iċ-ċittadini privati nfushom, maż-żmien beda’ ħiereġ l-interess ċar tal-istat f’isem iċ-ċittadini kollha.
“Dan id-dokument jagħti stampa ċara ħafna ta’ dik li hija r-regolazzjoni tas-settur tal-kostruzzjoni fil-mument. Turi wkoll kif dan is-settur ġie regolat tul is-snin u ovjament l-emfasi tagħna se tkun li tidentifika kunflitti potenzjali bejn diversi liġijiet li bħalissa jirregolaw is-settur.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li kien hemm il-bżonn li liġijiet u regolamenti marbuta mas-settur tal-kostruzzjoni jinġabru f’pubblikazzjoni waħda.
Dan kollu jservi ta’ għajnuna għal kull min b’xi mod huwa nvolut fis-settur tal-kostruzzjoni filwaqt li joffri wkoll punt tajjeb ta’ referenza. Se jservi wkoll bħala bażi tajba biex issir analiżi għal varji liġijiet u regolamenti li saru fi żminijiet differenti.
“L-idea hija li din il-pubblikazzjoni tiġi aġġornata b’mod regolari filwaqt li se sservi bħala pjattaforma biex isir analiżi biex jekk hemm inkonsistenzi jew b’xi mod affarjiet li jikkonfliġġu f’dawn il-liġijiet li sar f’epoki differenti, dawn jiġu ndirizzati. Dan huwa proċess importanti ferm fit-tisħiħ tar-regolamentazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni li qed iwettaq dan il-gvern u nħares ’il quddiem biex b’din il-kollaborazzjoni flimkien mal-Università nkomplu nġeddu ir-regolamenti f’dan is-settur tal-kostruzzjoni.”
Ir-riċerka mħejjija mill-Fakultà tal-Liġi ser tkun online fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar kif ukoll fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA.